9 affarijiet li m’għandekx tħalli fil-karozza

Riċerka turi li f’għaxar minuti t-temperatura f’karozza pparkjata fix-xemx tista’ tilħaq il-35 grad Celsius, u wara 30 minuta, saħansitra sal-50 grad. Għalhekk, huwa mportanti li ma tħallix dawn l-affarijiet f’karozza tikwi:

  1. Nies u annimali

F’karozza magħluqa, it-temperaturi malajr jgħolew sa punt li jistgħu joqtlu. Jekk se tmur ġirja sal-ħanut, jew s’għand tal-posta, ħu lill-kulħadd miegħek!

  1. Mediċina

Il-mediċini fi spiżeriji huma miżmuma f’temperatura regolata, għaliex ħafna sħana tista’ tnaqqas l-effetività tagħhom.

  1. Fliexken tal-plastik jew kaxxi tal-ikel tal-plastik

Xi kultant tiġik it-tentazzjoni li tħalli xi flixkun ilma fil-karozza biex dejjem issibu; però, din mhix idea tajba, għax il-plastik jibda jerħi kimiċi li jagħmlu ħafna ħsara lill-ġisem.

  1. Mowbajls, tablets, jew affarijiet teknologiċi oħra

Wara li tkun infaqt il-mijiet, u anka l-eluf, fuq oġġetti teknoloġiċi, ma tkunx trid li l-batterija tagħhom issirilha l-ħsara. Però, hekk jiġri jekk jitħallew fi sħana kbira.

Skont il-kumpanija Apple, temperaturi ogħla minn 35 grad Celsius jistgħu jikkawżaw ħsara serja lill-iPhone, iPad jew Macbook tiegħek.

  1. Sunblock

Veru li tużah kontra x-xemx, però ma tfissirx li hu magħmul biex jikkombatti s-sħana! Ma jibqgħax potenti daqs kemm suppost jekk taħseb li qed tkun responsabbli billi dejjem ikun miegħek fil-karozza.

  1. Alkoħol

Birra sħuna ma tantx hi tajba, aħseb u ara jekk tkun tagħli! Is-sħana tkissirlu l-kimiċi ta’ ġo fih u ttih togħma ħażina. L-istess jiġrilu l-inbid.

  1. Ċikkulata

Jekk qatt pruvajt tneħħi ċikkulata mdewwba minn mal-ħwejjeġ, mela taf kemm għandek iktar iżżommha ‘l bogħod mis-sits tal-karozza.

Skont id-ditta Lindt, iċ-ċikkulata tibda tinħall mas-26 grad Celsius, aħseb u ara f’karozza b’temperatura ta’ 50 grad.

  1. Krejons

Bħaċ-ċikkulata, il-krejons malajr jinħallu u diffiċli biex tneħħihom. Il-kumpanija Crayola sostniet li l-krejons jibdew jinħallu mal-40 grad Celsius, u jiġu ilma mat-48 grad.

  1. Nuċċali

Nuċċali tax-xemx fil-karozza idea tajba, ux? Jirriżulta li n-nuċċali, partikolarment jekk hu magħmul mil-plastik, jista’ jinħall fix-xemx u b’hekk isir anka ħsara lill-lenti.