89% tal-Maltin ma jridux li r-reliġjon jitneħħa mill-Kostituzzjoni – stħarriġ MT

88.8% tal-Maltin ma jaqblux li l-Kattoliċiżmu jitneħħa minn reliġjon uffiċjali mill-Kostituzzjoni Maltija.
Din iċ-ċifra ħarġet minn stħarriġ li għamlet il-gazzetta Malta Today, li kien ippubblikat f’Ħadd il-Għid, wara li nstab ukoll li 93.9% mill-500 persuna li wieġbu qalu li huma Kattoliċi.
Jidher li maġġoranza akbar kienu kontra li jitneħħa l-kurċifiss minn postijiet pubbliċi, ngħidu aħna skejjel. Persuni f’kull grupp ta’ żmien, sess jew alleanza politika qalu li ma jridux li jitneħħa das-simbolu mill-iskejjel.
Dwar il-kwistjoni tal-Kostituzzjoni, l-Arċisqof Charles Scicluna stess kien qal li mhix problema ta’ barra minn hawn jekk il-Kattoliċiżmu jitneħħa.
Waqt intervista li kien għamillu Fr Joe Borg, Mons. Scicluna kien sostna li jekk ir-reliġjon Kattolika ma tibqax rikonoxxuta fil-Kostituzzjoni bħala r-reliġjon tal-poplu, mhux se jkun ġara xi ħaġa kbira għax il-Knisja se tibqa’ teżisti u l-poplu se jibqa’ jħaddan il-fidi tiegħu.
Dakinhar l-Arċisqof saħaq li l-aktar ħaġa importanti mhix jekk ir-reliġjon tkunx rikonoxxuta, iżda li l-Kostituzzjoni tħares il-libertà reliġjuża, jiġifieri li kulħadd ikollu dritt iħaddan ir-reliġjon tiegħu.
Mir-riżultati li nstabu, is-sondaġġ jimplika li l-Kattoliċiżmu għadu tarka ta’ identità għall-Maltin.