870 student ma jaqtgħux qalbhom u jittantaw it-tieni ċans

870 student qed jattendu l-klassi ta’ reviżjoni b’xejn għall-eżamijiet tal-‘O’ Level f’Settembru li ġej, offruti mill-Gvern.
Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, fi stqarrija dwar iż-żjara tiegħu u tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia, f’waħda mill-iskejjel li fiha qed isiru dawn il-lezzjonijiet.
Din hija ir-raba’ sena li qed isiru dawn il-klassijiet ta’ reviżjoni għall-istudenti bil-għan li kulħadd jingħata t-tieni ċans.
Huwa żied jgħid li din is-sena barra s-suġġetti bażiċi li kienu offruti fis-snin ta’ qabel, jiġifieri l-Matematika, l-Malti, l-Ingliż u l-Fiżika, minn din is-sena beda jiġi offrut ukoll il-Bijoloġija.
L-erba’ ċ-ċentri huma Lily of the Valley tal-Mosta, il-Kulleġġ San Ġorġ Preca tal-Ħamrun, l-MCAST ta’ Raħal Ġdid u l-Iskola Sekondarja tar-Rabat, Għawdex.
Min-naħa tiegħu, Farrugia qal li l-klassijiet ta’ reviżjoni huma biss wieħed mill-korsijiet li jiffinanzjaw il-fondi Ewropej għall-istudenti li jkunu jixtiequ t-tieni ċans fl-eżamijiet.
Semma korsijiet oħra bħall-Programm għal Tagħlim Alternattiv, is-Skema NEET, u l-klassijiet tar-reviżjoni fl-MCAST.
Ritratt: DOI – Stephen Busuttil