87% tal-Maltin iħossu li huma parti mill-UE

Mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru jirriżulta li l-Maltin huma l-iktar li jħossu li huma parti mill-Unjoni Ewropea b’87% filwaqt li 55% tal-Maltin iqisu li l-vuċi tagħhom fl-Unjoni Ewropea qed tinstema’.
Mir-riżultat ta’ dan l-Ewrobarometru jirriżulta li l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ħallew impatt pożittiv fuq iċ-ċittadini Ewropej tant li n-numru tal-persuni li jqisu li l-vuċi tagħhom qed tasal fl-Unjoni Ewropea żdiedu minn 29% f’Novembru tas-sena li għaddiet għal 42%.
Aktar persuni jinsabu kunfidenti fil-futur tal-Unjoni Ewropea, b’56% jaqblu li l-Unjoni Ewropea qed tmur għall-aħjar filwaqt li 38% jaħsbu li l-Unjoni sejra għall-agħar.
75% tal-Maltin jaħsbu ottimisti li l-Unjoni Ewropea għandha futur sabiħ.
Is-sitwazzjoni ekonomika hija l-ikbar uġiegħ ta’ ras għaċ-ċittadini Ewropej bl-aktar inkwetati jkunu ċ-Ċiprijotti b’54% filwaqt li għall-Maltin, l-immigrazzjoni irregolari huwa l-iktar suġġett importanti b’55%.
Għat-Taljani li wkoll jinsabu milquta bl-immigrazzjoni irregolari l-iktar settur li qed idejjaqhom huwa l-qgħad bi 53%.
Għalkemm is-sitwazzjoni ekonomika baqgħet ‘il fuq fl-aġenda tal-Unjoni Ewropea, ħafna ċittadini Ewropej iqisu li l-ekonomija ta’ pajjiżhom sejra għall-aħjar fosthom il-Maltin fejn 76% jaħsbu li l-ekonomija ta’ Malta imxiet ‘il quddiem.
Għall-kuntrarju l-Ispanjoli u l-Griegi mhuma kuntenti xejn bl-ekonomija ta’ pajjiżhom fejn 96% qalu l-ekonomija tagħhom sejra għall-agħar.
89% tal-Maltin jinsabu sodisfatti bil-kwalità tal-ħajja f’Malta filwaqt li huma l-Iżvediżi l-iktar li jinsabu sodisfatti bl-andament ta’ pajjiżhom b’97%.
Għaldaqstant, filwaqt li hawn ammont konsiderevoli ta’ persuni li jinsabu sodisfatti bil-kwalità tal-ħajja f’Malta, 10% jaħsbu li jinsabu fir-riskju li jispiċċaw fil-faqar.