87% tal-edukaturi ġew aggrediti fl-iskejjel – MUT

Mathias Mallia

Stħarriġ li sar mill-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) wera li 87% tal-edukaturi esperjenzaw agressjoni fl-iskola fejn jaħdmu f’dawn l-aħħar sentejn.

F’konferenza tal-aħbarijiet, l-MUT żvelat ir-riżultati tal-istħarriġ li għamlet. L-MUT qalet li r-riżultati tal-istħarriġ kienu “xokkanti ħafna”. Min-naħa l-oħra qalet li dan ma kienx stħarriġ xjentifiku.

Skont l-MUT, 23% ta’ dawk li mlew il-kwestjonarju qalu li esperjenzaw imġieba agressiva kuljum filwaqt li 23% qalu li esperjenzaw din l-imġieba darba fil-ġimgħa.

Skont l-edukaturi, 75% tal-agressuri kienu studenti, 29% ġenituri, 12% kollegi, u 9% is-superjuri tagħhom. Irriżulta li 60% irrappurtaw l-aggressjoni.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li din l-informazzjoni hija ta’ tħassib kbir. Qal li hemm sens ġenerali li l-edukaturi mhux qed jingħataw l-appoġġ li għandhom bżonn. L-MUT qalet li se tkun qed toħroġ direttivi għal dawk il-membri tagħha li jkunu l-vittma tal-agressjoni. Se jitnieda servizz ta’ SMS biex imġieba agressiva tkun tista’ tiġi rrapportata u servizz ieħor ta’ għajnuna psiko-soċjali.

L-MUT appellat għall-preżenza ta’ uffiċjali tas-sigurtà fl-iskejjel u biex tissaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija qabel u wara l-iskola.

L-MUT saħqet li r-riżultati ta’ stħarriġ dwar is-sigurtà li sar mill-Gvern dwar il-miżuri tas-sigurtà fl-iskejjel ġew injorati.