87 persuna jitressqu l-Qorti wara traffikar tad-droga

87 persuna akkużata bi traffikar tad-droga tressqet il-Qorti bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Awwissu ta’ din is-sena. Dan ikkonfermah il-Ministru għall-intern, Michael Farrugia waqt seduta Parlamentari.

Il-Ministru Farrugia kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Maġistrat Joe Mifsud, f’isem il-Qorti, appella lill-midja lokali biex ma tiżvelax tagħrif li jkollha dwar postijiet u metodi li jintużaw mill-Pulizija fl-investigazzjoni tal-abbużi tad-droga, għaliex it-traffikanti jistgħu jużaw dan it-tagħrif għall-vantaġġ tagħhom.

Fost il-każijiet li ħarġu din is-sena hemm dak taż-żagħżugħ ta’ 20 sena li pprova jbigħ il-kannabis lil pulizija li ma kienx qiegħed fuq xogħol f’Paceville.

F’Settembru tmien persuni ġew arrestati waqt rejd mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Bormla. F’Awwissu erba’ persuni ġew arrestati wara li nstabu fil-pussess ta’ ammont sostanzjali tad-droga suspettata kokaina u Eroina.