87 jappellaw mid-deċiżjoni tal-moll privat fil-Bajja tal-Balluta

87 appellant, inkluż il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, residenti u l-għaqdiet Flimkien Għal Ambjent Aħjar, Futur Ambjent Wieħed, Green House u Moviment Graffitti ngħaqdu flimkien biex jappellaw id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li approvat moll privat fil-Bajja tal-Balluta biex il-Captain Morgan tkun tista’ topera d-dgħajjes tal-passiġġieri.

L-appellanti qed jgħidu li b’din id-deċiżjoni, bajja pubblika se titħalla tinbidel f’port għas-servizz tal-Captain Morgan u ta’ katamarani privati oħra.

Kelliem f’isem l-appellanti qal li minkejja li “dan huwa żmien diffiċli”, huma xorta waħda se jibqgħu sodi fl-impenn tagħhom biex isalvaw il-Bajja tal-Balluta milli ssir port ieħor. Saħqu li din hija żona uffiċjalment għall-għawm u waħda mill-ftit bajjiet li baqa’ fejn il-pubbliku jista’ jgħum, jogħdos, jirkeb il-kajak u jgawdi l-bajja mingħajr ħlas. Spjegaw li b’katamaran enormi dieħel u ħiereġ mill-bajja 21 darba kuljum dan kollu jkollu jieqaf, għax il-bajja se ssir perikoluża.

Huma temmew jgħidu li l-applikant faċilment jista’ jipproponi biex il-moll ikun rilokat f’post ieħor fejn ma jsirx għawm.

Fil-bidu ta’ Marzu l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni tal-Fortina għall-moll privat fil-Bajja tal-Balluta, proġett li sab reżistenza minn għadd ta’ NGOs u mill-Kunsill ta’ San Ġiljan.

Il-kumpanija Fortina Investments ikkundannat dak li qal s-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg meta dan qal li hemm suspett li hemm negozjati għaddejjin minn wara l-kwinti fl-iżvilupp tal-Balluta. Il-kumpanija sejħet din l-allegazzjoni gidba.