85km minn Għawdex għal Malta biex ifakkru l-25 sena ta’ Vodafone

Vodafone għal darb’oħra, reġgħet iċċelebrat xi ħaġa minn tal-ewwel meta fit-12 ta’ Ġunju l-impjegati tagħha mxew, ġrew, qadfu bir-rota, telgħu mal-għoljiet u qadfu bil-kayak tul il-gżejjer Maltin fejn għamlu 85 kilometru f’ġurnata.
Dan l-avveniment, imsejjaħ il-Vodafone Malta Cross Country Challenge 2015, sar bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li fakkru l-25 anniversarju tal-kumpanija. Din kienet l-ewwel tiġrija cross-country ta’ dan it-tip, b’distanza li qatt ma kienet saret f’Malta.
L-isfida bdiet fl-Għarb f’Għawdex kmieni filgħodu u ntemmet f’Marsaxlokk, via Kemmuna, filgħaxija. L-10 timijiet li ħadu sehem kienu magħmula minn atleti li pparteċipaw jew f’biċċa individwali, jew f’aktar, waqt li timijiet ta’ appoġġ innavigaw ir-rotot u pprovdew l-ikel u x-xorb.
It-tim rebbieħ, immexxi minn Luan Vella, spiċċa t-tellieqa f’seba’ sigħat.
Minbarra l-200 impjegat li pparteċipaw direttament fl-isfida, kien hemm aktar minn 20 impjegat ieħor li pprovdew appoġġ matul il-ġurnata.
Amanda Nelson, is-Kap Eżekuttiv ta’ Vodafone Malta, ikkummentat li “din kienet ġurnata li ħarġet l-aħjar aspetti tal-Vodofone. Il-parteċipanti kollha wettqu xi ħaġa tassew memorabbli, partikolarment meta tikkonsidra li l-parti kbira minnhom mhumiex atleti mħarrġa”.
Vodafone Malta rringrazzjat lil Antonello Gauci li assista għall-organizzazzjoni tal-avveniment, kif ukoll lil Malta Red Cross għall-appoġġ tagħhom matul il-ġurnata kollha.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.