850,000 jintalbu jibqgħu ġewwa f’Madrid

REUTERS/Susana Vera

Madwar 850,000 persuna f’Madrid intalbu jibqgħu ġewwa, hekk kif Spanja qed tissielet maż-żieda qawwija fil-każijiet ta’ coronavirus.

Ir-restrizzjonijiet ta’ lockdown daħlu fis-seħħ f’partijiet tal-kapitali Spanjola b’dawk affettwati jistgħu jħallu d-djar tagħhom biss għal ħtiġijiet bażiċi bħalma hu x-xogħol, imorru għand it-tabib jew jieħdu t-tfal tagħhom l-iskola.

Dawk fiż-żoni milquta jirrappreżentaw 13% tal-popolazzjoni f’Madrid. Huwa maħsub li huma responsabbli għal madwar 24% tal-każijiet li nstabu fl-aħħar ġimgħa.

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez qal li r-restrizzjonijiet li ddaħħlu mhux se jfissru li se jsir lockdown ieħor madwar il-pajjiż kif sar f’Marzu li għadda.