Ritratti: 850 student juru x’jafu fl-MCAST quddiem persuni distinti

Tnieda uffiċjalment l-MCASTskills Challenge, hekk kif illum u l-Erbgħa, 850 student se jiġu sfidati akkademikament fil-qasam li jispeċjalizzaw fih f’attivitajiet miftuħa għall-pubbliku, speċjalment studenti prospettivi.
Fl-MCASTskills Challenge se jipparteċipaw ftit aktar minn 850 student f’65 sfida differenti. Dawn l-isfidi l-parteċipanti mhux se jkunu jafu bihom ħlief eżatt dak il-ħin li jkun imisshom. B’hekk jidħol l-element kreattiv sabiex finalment jintlaħaq l-għan tal-isfida, jiġifieri li l-istudent juri x’jaf u x’tgħallem taħt pressjoni quddiem in-nies.
Il-ħiliet tal-istudenti jvarjaw mill-ICT, l-arti kreattiva, ix-xjenzi applikati, l-Inġinerija Mekkanika u Elettrika san-Negozju, u l-kura tax-Xagħar u s-Sbuħija, fost oħrajn.
Se jkun hemm assenjati grupp ta’ ġurija professjonali magħmula minn lekċerers mill-MCAST stess, kif ukoll speċjalisti mill-industrija nnifisha. Ir-rebbieħa jingħataw midalja, u l-parteċipanti kollha ċertifikat.
L-isfidi se jkunu qed iseħħu f’partijiet differenti mill-kampus tal-MCAST.
Kull min hu interessat jattendi jista’ jmur il-kampus ewlieni tal-MCAST f’Raħal Ġdid illum u l-Erbgħa bejn id-9am u l-4.30pm.
Għal aktar informazzjoni, żur is-sit tal-MCASTskills Challenge.