85,000 persuna jiċċelebraw is-sena l-ġdida fil-kapitali Maltija

Madwar 85,000 persuna lbieraħ marru jiċċelebraw tmiem is-sena l-Belt Valletta.
Dan ifisser 15,000 aktar minn kemm iċ-Ċermen tal-V18, Jason Micallef, bassar il-ġimgħa l-oħra.
Il-Ministeru għall-Kultura qal fi stqarrija li dawn ma kinux ċelebrazzjonijiet bħall-oħrajn, għax kienu ċ-ċelebrazzjonijiet li mmarkaw il-bidu tal-2018, is-sena li fiha l-Belt se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Intqal li l-Fondazzjoni 2018 flimkien mal-Ministeru għall-Kultura u entitajiet oħrajn ħasbu għal wieħed mill-ikbar spettakli fil-Belt Valletta fl-aħħar snin.
Il-folla, deskritta bħala “kbira ħafna”, ikkonkorriet biex tara dan l-isppettaklu.
Il-ftuħ uffiċjali tal-Belt Valletta bħala l-kapitali Ewropea għall-kultura se jsir nhar is-Sibt, 20 ta’ Jannar fl-4pm, bit-tema “Erba’ Pjazez”.