Jiżdiedu l-flus foloz fl-ewwel nofs tas-sena

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li kien hemm żieda fin-numru ta’ karti tal-flus tal-ewro foloz tul l-ewwel nofs ta’ din is-sena meta mqabbel mal-istess żmien is-sena l-oħra.

B’kollox ġew irtirati 844 karta tal-flus falza. Apparti li kien għola mill-ammont ta’ flus irtirati fl-istess perjodu s-sena li għaddiet, dan kien għola wkoll mis-sitt xhur ta’ qabel, iġifier ta’ bejn Lulju u Diċembru tal-2018. Fi stqarrija, l-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li għalkemm żdied l-ammont ta’ karti tal-flus foloz, l-ammon ta’ flus foloz maqbuda tul l-2017 u l-2018 xorta baqa’ sostanzjalment taħt l-ammonti rrappurtati fis-snin ta’ qabel.

Skont l-istqarrija, meta dan hu mqabbel mal-għadd ta’ karti tal-ewro ġenwini li hemm fiċ-ċirkolazzjoni f’Malta, il-proporzjon ta’ karti tal-flus tal-ewro għadu insinifikanti. Il-karti tal-flus tal-€20 u tal-€50 baqgħu l-aktar karti li jiġu ffalsifikati misjuba lokalment. Flimkien, dawn jammontaw għak 89% tal-flus foloz li nstabu fl-ewwel sitt xhur tas-sena.

It-tabella t’hawn taħt tipprovdi analiżi perċentwali ta’ flus foloz irtirati miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel nofs ta’ din is-sena f’Malta, imqabbla ma’ dawk irtirati fil-bqija taż-Żona Ewro.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed iwissi lill-pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Għal aktar informazzjoni dwar kif tisa’ tagħraf flus ġenwini, tista’ żżur is-sit elettroniku tal-Bank.

Kull min jirċievi karta tal-flus suspettuża għandu jċempel lill-pulizija fuq 2294 2120, jew lill-Bank Ċentrali ta’ Malta fuq 2550 6012/13, jew jibgħat email fuq nccmt@centralbankmalta.org.