84,000 passiġġier jgħaddu mill-MIA fl-ewwel tliet ġimgħat ta’ Lulju

Miguela Xuereb

Madwar 84,000 passiġġier waslu jew telqu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-ewwel tliet ġimgħat ta’ Lulju.

Fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li implimenta kull miżura meħtieġa sabiex jiżgura li, hi x’inhi r-raġuni għall-vjaġġ tagħhom, il-passiġġieri jkunu jistgħu jibdewh jew itemmuh b’esperjenza tajba fl-ajruport fejn iħossuhom siguri. Huwa importanti wkoll li dawk kollha li ser isiefru fil-jiem li ġejjin jgħinu sabiex jinżamm ambjent mingħajr perikli għas-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri billi jsegwu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin.

Imla’ l-formola meħtieġa

Il-passiġġieri li ser jitilqu minn Malta fil-jiem li ġejjin għandhom jikkonfermaw mal-linja tal-ajru tagħhom jekk iridux jimlew u jissottomettu xi formoli qabel il-wasla tagħhom f’destinazzjoni partikolari jew eżatt kif jaslu. Dawk li ser ikunu qed jivvjaġġaw lejn Malta, min-naħa l-oħra, għandhom jimlew żewġ formoli – li jistgħu jitniżżlu minn hawnhekk – qabel jaslu fil-pajjiż. Il-passiġġieri għandhom jgħaddu l-formoli kompluti lill-membri tal-ekwipaġġ tal-ajruplan jew isegwu l-istruzzjonijiet tagħhom dwar fejn dawn għandhom jiġu ddepożitati.

Aħsiblu minn qabel

Jekk fil-ġurnata tat-titjira tiegħek tħossok ma tiflaħx, kun responsabbli u pposponi l-vjaġġ tiegħek għal darba oħra. Jekk tħossok tajjeb sabiex tivvjaġġa, ara li tasal l-ajruport sagħtejn u nofs qabel it-titjira tiegħek sabiex tkun tista’ tgħaddi mill-proċessi kollha neċessarji mingħajr ħafna għaġla. Tinsiex tqiegħed biżżejjed maskri għall-vjaġġ kollu fil-bagalja tal-idejn. Ftakar ukoll li ċerti linji tal-ajru qed jaċċettaw biss li jintlibsu l-maskri abbord l-ajruplan, u mhumiex qed jippermettu l-użu tal-visors.

Segwi t-tabelli

Żomm distanzi xierqa bejnek u passiġġieri oħrajn u naddaf idejk ta’ spiss kif indikat fuq ittabelli fit-terminal jew skont l-istruzzjonijiet tal-membri tat-tim tal-ajruport. Ftakar li, sabiex jinżammu d-distanzi soċjali rakkomandati, jista’ jkun li l-ħinijiet ta’ stennija f’ċerti partijiet tatterminal ikunu kemxejn itwal mis-soltu. Dawk li mhux ser jivvjaġġaw għalissa xorta jistgħu jaslu wasla sal-ajruport sabiex iżuru lħwienet jew inkella biex jagħtu merħba lil xi ħadd li jkun ġej lura Malta. Filwaqt li l-passiġġieri bħalissa qed joħorġu minn naħa differenti mis-soltu, persuni li jiġu jilqgħu lil xi ħadd jistgħu jistennew fis-Sala tal-Wasliet u jsegwu l-informazzjoni dwar it-titjiriet murija fuq l-iskrins. Persuni li jżuru l-ajruport u jużaw il-faċilitajiet ta’ parkeġġ tal-post qed jingħataw sagħtejn parkeġġ b’xejn.Dawk li għadhom qed jaħsbuha dwar id-destinazzjoni li jmiss jistgħu jaraw it-titjiriet diretti kollha li qed jiġu operati minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hawnhekk. Uħud mill-aktar swieq popolari fl-ewwel tliet ġimgħat tal-operat kienu l-Ġermanja, il-Polonja u lAwstrija.