84% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali ġew indirizzati – NAO

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika qal li 84% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali ġew indirizzati b’mod sħiħ jew parzjalment mill-ministeri u l-entitajiet konċernati. Fi stqarrija l-Awditur Ġenerali qal li dan joħroġ mill-eżerċizzju ta’ stħarriġ li sar fuq 8 rapporti li kien ippubblika fl-aħħar snin.

Dawn ir-rapporti ta’ segwitu ġew ippresendati lill-Ispeaker Anġlu Farrugia mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara.

Saret analiżi ta’ dawn li ġejjin biex ikun determinat fejn waslu l-implimentazzjonijiet rakkomandati minn dan l-Uffiċċju fuq Verifiki ta’ natura Finanzjarja u ta’ Konformità:

  • Forzi Armati ta’ Malta
  • Spiża fuq Skejjel tal-Knisja
  • Dipartiment tal-Kummerċ
  • Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi
  • AwtoritàMaltija talKomunikazzjoni
  • Kummissjoni Maltija talFilms
  • Sptar Mater Dei – Materjali Mediċi u Tagħmir Kirurġiku 
  • Dipartiment tal-VAT

Għalfejn isiru dawn ir-rapporti ta’ segwitu?

Wieħed mill-iżjed standards internazzjonali għall-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika (ISSAIs), qed nirreferu għall-ISSAI 12 – ‘The Value and Benefits of Supreme Audit Institutions – making a difference to the lives of citizens’, jagħmel referenza għall-bżonn fundamentali li ‘istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika għandu jkollhom mekkaniżmi adattati li permezz tagħhom isegwu l-progress li jkun sar fuq ir-rakkomandazzjonijiet li huma jkunu għamlu f’awditi li jkunu saru fi snin preċedenti’. 

Għaldaqstant, skont prattika stabbilita, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) għal darb’ oħra  identifika numru ta’ verifiki li saru fl-aħħar snin bl-iskop li jevalwa kemm ġiet segwita l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li l-Uffiċċju kien għamel.