83% tan-negozji f’Malta sodisfatti bis-servizz tal-posta

Stħarriġ fost in-negozji ż-żgħar f’Malta li sar mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, l-MCA, wera li 83% tal-parteċipanti kienu sodisfatti bil-kwalità tas-servizz inġenerali pprovdut mill-MaltaPost.
L-istħarriġ sar fost 400 parteċipant b’kampjun magħmul primarjament minn intrapriżi żgħar ħafna li jħaddmu bejn sa 9 impjegati.
L-istħarriġ wera li 75% tan-negozji bagħtu l-istess ammont ta’ ittri bħas-sena ta’ qabel filwaqt li dawk li qalu li bagħtu aktar ittri naqas minn 7% għal 4%.
Dawk li bagħtu inqas ittri qalu li għamlu dan għax użaw aktar l-email (86%), għamlu pagamenti elettroniċi (21%), użaw mezzi elettroniċi oħrajn bħal siti elettroniċi (9%) u messaging services (13%).
Stħarriġ ieħor sar fost negozji medji u kbar li jħaddmu bejn aktar minn 10 persuni. L-istess raġunijiet għat-tnaqqis fl-użu tal-posta reġgħu ssemmgħu f’dan l-istħarriġ, b’aktar negozji jagħżlu l-email minflok il-posta.
L-istħarriġ sar permezz ta’ intervisti bit-telefon bejn April u Mejju tal-2017 mal-persuni minn kull negozju li huma responsabbli mill-posta.
L-MCA twettaq dan it-tip ta’ stħarriġ fuq bażi regolari sabiex jiġu osservati dawn it-tip ta’ tibdiliet u taċċerta li l-konsumaturi kemm residenzjali u kummerċjali jkunu moqdijin sew fis-suq lokali.
Aktar informazzjoni dettaljata dwar dan l-istħarriġ tista’ tinkiseb mis-sit tal-MCA.