83 immigrant jiżbarkaw f’Lampedusa – Alarm Phone

It-83 immigrant li lbieraħ kienu f’riskju li jgħerqu f’żona li skont Alarm Phone kienet taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta, żbarkaw f’Lampedusa.

Fi tweet ippubblikata dalgħodu, l-NGO qalet li l-immigranti waslu Lampedusa tard ilbieraħ filgħaxija. Spjegat li huma kienu fuq waħda mill-ħafna dgħajjes li waslu f’Lampedusa fl-aħħar jiem.

L-għaqda talbet għas-solidarjetà mill-Unjoni Ewropea ma’ Lampedusa u biex tippermetti li dawn l-immigranti ġodda li waslu fil-gżira jitħallew imorru fejn għandhom bżonn immorru.

Skont it-tweet tal-bieraħ, l-Għaqda sostniet li abbord l-istess dgħajsa hemm żewġ nisa tqal u li waħda minnhom waslet biex twelled.