​83,000 li għandhom tallinja card ma użawha qatt

Kważi terz tal-persuni li għandhom tallinja card ma użawha qatt fl-2017.  Dan ifisser 83,286 persuna, jew 29%.
Din l-informazzjoni ħarġet fil-Parlament, mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.
Ian Borg qal li sal-aħħar ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, kien hemm 284,883 persuna li kellhom card tal-karozza tal-linja. Żied jgħid li minnhom 201,597 persuna għamlu użu minnha mill-inqas darba matul l-2017.
Fi tweġiba għall-mistoqsija oħra tal-istess deputat, il-Ministru qal li sal-aħħar tal-2017, meta persuna japplika għall-card tal-karozza tal-linja, ma kienx qed jintalab jistipula jekk hux ċittadin Malti jew le.