Bla trasport 829 student ta’ skejjel mhux tal-Gvern

829 ġenitur ta’ studenti li jattendu skejjel mhux tal-gvern għadhom qed jistennew li jkollhom mezz ta’ trasport biex jibgħatu lit-tfal tagħhom l-iskola. Il-Ministeru stqarr li huwa qed jkompli jfittex aktar operaturi biex l-istudenti kollha ta’ skejjel non-statali jkollhom aċċess għal trasport b’xejn.

Dr Frank Fabri, is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni, f’konferenza tal-aħbarijiet spjega kif in-numru ta’ nies fuq il-waiting list qiegħed jinbidel u jonqos ġurnata b’ġurnata. In-numru ta’ studenti  fuq il-waiting list naqas minn 982 student nhar l-Erbgħa 19 ta’ Settembru għal 829 student illum.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li huwa jkun improfessjonali jekk jgħid li huwa ċert li sa data partikolari kull student se jkollu aċċess għal trasport b’xejn.

Supervizzjoni fuq it-trasport

Se tkun qed tiġi introdotta sistema t’ supervizzjoni abbord it-trasport fl-iskejjel tal-istat, fuq ir-rottot fejn se jitilgħu tfal tal-kindergarten. F’dawn ir-rottot se jkun hemm persuna tara li t-tfal se jitilgħu fuq il-vettura u jinżlu minnha.

Meta mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar jekk huwx se jkun hemm servizz ta’ supervizzjoni fl-iskejjel tal-Knisja, il-Ministru Evarist Bartolo spjega kif dan is-servizz għalissa huwa disponibbli biss għal tfal li jattendu l-Kindergarten. Bartolo żied jgħid li fil-każ tal-iskejjel tal-Knisja u privati, ġenituri li kienu jħallsu persuna biex toqgħod fil-vettura qabel, huma liberi li jagħmlu dan. Madanakollu l-gvern mhux se jkun qed iħallas għal dan is-servizz. Huwa spjega li l-intenzjoni tal-Ministeru hi li eventwalment dan is-servizz jkun disponibbli għall-iskejjel statali kollha u anki għal skejjel mhux tal-gvern.

Skejjel tal-Istat

Is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni Frank Fabri spjega kif 1,500 tifel u tifla aktar mis-sena l-oħra  se jkunu qegħdin jagħmlu użu minn dan is-servizz. Dan ifisser li total ta’ madwar 14,000 student se jkunu qegħdin jagħmlu użu minn dan is-servizz.

Din is-sena kellu jisr kuntratt ġdid għas-servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel tal-istat, hekk kif il-kuntratt ta’ qabel kien skada. B’hekk in-negozjati kellhom jerġgħu jsiru. Is-Segretarju Permanenti spjega kif hemm total ta’ tmien operaturi li qed jippprovdu dan s-servizz tat-trasport.

Dr Frank Fabri spjega kif il-preparamenti għal dan is-servizz, li dejjem ħa ħsieb il-Ministeru, huma ffinalizzati. Il-ġenituri kollha ġew avżati minn fejn u liema rotta se jirkbu it-tfal tagħhom.

Applikazzjoni tal-mowbajl għall-ġenituri

Din is-sistema ġdida se tagħmilha possibli li l-ġenituri jirċievu notifikazzjoni hekk kif it-tfal tagħhom jitilgħu fuq il-vettura u jinżlu minnha. Dawn in-notifikazzjonijiet jistgħu jirċivuhom fuq applikazzjoni tal-mowbajl li se tkun b’xejn għalihom, hekk kif il-gvern se jkun qed iħallas għal dan is-servizz. Din is-sistema se tibda topera minn Diċembru.

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Gvern tnikker fil-preparamenti

Il-Partit Nazzjonalista qal li “il-Gvern tnikker fil-preparamenti tiegħu biex jipprovdi transport b’xejn lit-tfal tal-iskejjel”. Fi stqarrija, il-Partit Żied jgħid li l-Ministeru kellu aktar minn sena biex jistudja kif se jimplimenta din is-sistema.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern baqa’ ma laħaqx ftehim għal superviżjoni mat-tfal waqt il-vjaġġ tagħhom lejn l-iskola.

“Il-PN ma għandux kelma pożittiva” – Partit Laburista

Il-Partit Laburista akkuża lill-Partit Nazzjonalista li mhux kuntenti, wara li l-PN sostna li l-Gvern kien tnikker fil-preparamenti għat-trasport b’xejn lit-tfal tal-iskejjel. Skont il-PL it-800 student li baqalgħhom isibu trasport se jkunu mgħejjuna mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.