82% ma jridux li l-Kostituzzjoni tinbidel minħabba l-President

82% jaħsbu li l-Kostituzzjoni ta’ Malta m’għandix tinbidel biex il-President Marie-Louise Coleiro Preca terġa’ tagħmel it-tieni terminu bħala President.

Dan ħareġ minn poll onlajn li għamel Newsbook.com.mt fuq il-paġna ewlenija tas-sit.
Il-parteċipanti f’dan il-poll urew li huma deċiżi ħafna fl-għażla tagħhom tant li 3% biss qalu li ma jafux x’jagħżlu bejn jekk għandix tinbidel jew ma tinbidilx il-Kostituzzjoni.
15% iridu li l-Kostituzzjoni tinbidel biex Coleiro Preca tibqa’ President tar-Repubblika għat-tieni terminu.
Din id-diskussjoni bdiet hekk kif gazzetta lokali kwotat sorsi fl-Uffiċċju tal-President li jgħidu li l-President qed tikkunsidra li tibqa’ anki wara li s-sena d-dieħla jintemm it-terminu tagħha.
L-Uffiċċju tal-President ċaħad din l-allegazzjoni u qal li qatt ma kien hemm diskussjonijiet formali jew informali u lanqas sinjali diplomatiċi dwar il-possibiltà li l-President isservi t-tieni terminu tagħha.
Fl-istqarrija, li għadha tiġi reklamata fuq Facebook, l-Uffiċċju tal-President innota wkoll li ż-żewġ partiti ilhom iwiegħdu riformi Kostituzzjonali mill-2013, qabel ma’ Marie-Louise Coleiro Preca ġiet appuntata President.