82 annimal selvaġġ minn 17-il speċi differenti mhux reġistrati f’Malta

Statistika ppubblikata fil-Parlament ilbieraħ qed tgħid li f’Malta hawn total ta’ 82 annimal selvaġġ minn 17-il speċi differenti li mhux irreġistrat. Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo. Ir-raġuni li dawn mhux irreġistrati hija minħabba kwistjonijiet pendenti skont il-liġi dwar ir-Regolamenti Dwar il-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużo (LS 439.19).

Hu kien qed iwieġeb mistoqsija tal-Membru Parlamentari Mario Galea li staqsa għal lista bin-numru u l-ispeċi ta’ annimali selvaġġi differenti li hawn f’Malta u li l-Gvern jaf bihom. Galea talab ukoll biex ikun ikkonfermat kemm minn dawn qed jinżammu f’zoos u kemm minnhom qed jinżammu f’residenzi privati.

Fost l-annimali li mhux irreġistrati hemm 16-il green monkey, 13-il tigra, 10 iljuni u 11-il puma.

64 tigra magħrufa li qed jinżammu Malta

Total ta’ 64 tigra huma magħrufa li qed jinżammu f’Malta skont l-istess statistika ppubblikata fil-Parlament.

L-annimali selvaġġi li qed jitrabbew f’Malta b’kollox jappartjenu għal 32 speċi mammifera u 41 speċi rettili jew amfibju. Il-lista sottomessa minn Refalo ma tinkludix speċi oħra ta’ annimali, inkluż għasafar.

Jidher li l-felini kbar huma l-aktar għażla popolari. Apparti minn 64 tigra, l-awtoritajiet huma mgħarrfa li fil-pajjiż hawn 20 iljun, 11-il leopard, tliet jaguars u 24 puma. Madanakollu, 13-il tigra, 10 iljuni, 11-il puma u żewġ leopardi ma ġewx irreġistrati mal-awtoritajiet skont ir-regolamenti neċessarji għaż-żamma tal-annimali selvaġġi.

Fi tweġiba għal mistoqsija oħra Parlamentari, Refalo qal li 14-il persuna huma awtorizzati biex irabbu annimali selvaġġi u bejniethom irabbu 55 annimal.

Xi tgħid il-liġi Maltija dwar iż-żamma ta’ annimali perikolużi?

Il-liġi Maltija tati numru ta’ direzzjonijiet lill-persuni li jkunu jixtiequ jrabbu annimal perikoluż. Skont il-liġi, annimali perikolużi jistgħu jiġu mrobbija biss ġo zoos liċenzjati u l-annimal ma jistax jiddaħħal fis-sit qabel ma jkun hemm ittra ta’ kunsens mid-Direttur responsabbli għas-servizzi veterinarju.

Jekk persuna li ma għandhiex zoo tixtieq trabbi annimal perikoluż, tkun trid tapplika għall-permess għaż-żamma ta’ dawn l-annimali. Id-Direttur għandu d-dritt li jaċċetta jew jirrifjuta applikazzjoni.

Intant, il-liġi tgħid li meta wieħed joħloq ambjent addattat għal annimal salvaġġ f’daru, jrid jassigura li ż-żona tkun maqgħluqa b’mod sigur li jkun tajjeb biżżejjed sabiex l-annimal ma jkunx affetwat b’mod negattiv u li minnu jkun impossibbli li l-annimal jaħrab u joħloq periklu lill-pubbliku.

Kull annimal salvaġġ irid jiġi rreġistratu dan isir billi wieħed jindika l-isem, kunjom, numru tal-karta tal-identità u indirizz tal-persuna responsabbli, l-ispeċi tal-annimal, indirizz sħiħ ta’ fejn qed jinżamm, fost informazzjoni oħra li jitolb id-Direttorat.

X’jiġri jekk wieħed jinqabad irabbi annimal salvaġġ mingħajr permess?

Jekk persuna tinqabad trabbi annimal salvaġġ mingħajr il-permessi neċessarji bil-liġi, id-Direttorat għandu d-dritt li jikkonfiska l-annimal u jqiegħdu f’post li huwa awtorizzat li jitrabba fih, jew inkella jbigħu. Il-flus li jidħlu mill-bejgħ tal-annimal jingħataw lill-fond tal-Animal Welfare imbagħad jitqassmu skont kif hemm bżonn mill-Ministru. Intant, il-persuna li tkun kisret il-liġi taqla’ multa li biha tkopri l-ispejjeż kollha li jidħol fihom id-Direttorat kawża tal-ksur tal-liġi.

Iz-zoos huma biss fanfarunati ta’ xi wħud – ADPD

L-ADPD sostniet fi stqarrija li z-zoos lokali m’għandhomx benefiċċji għall-konservazzjoni, iżda huma biss fanfarunati ta’ xi wħud.

Fi stqarrija kien spjegat kif l-annimali ma jistgħux jintużaw għal kwalunkwe skop u għall-benefiċċju ta’ xi wħud. Sostniet li minkejja l-proposta tal-gvern ta’ regolamenti ġodda dwar l-hekk imsejħa zoos, l-Avviż Legali dwar iż-Żamma ta’ Annimali Slavaġġ fiż-Zoos tal-2020, dawn ir-regolamenti filfatt ma’ jsaħħux ir-rwol tas-suppost zoos fil-konservazzjoni tal-bijodiversità, u lanqas ma’ jipproteġu s-saħħa u l-benesseri ta’ annimali slavaġġ.

Id-Deputat Chairperson tal- partit ADPD Mark Zerafa qal li “r-Regolamenti tal-2020 dwar Żamma ta’ Annimali Slavaġġ fiż-Zoos, jitilqu mill-punt li huwa aċċettabbli li jinżammu annimali slavaġġ fiż-Zoos, partikolarment annimali, bħal ljuni, tigri u annimali oħra. L-abitat naturali ta’ dawn l-annimali ma jista’ bl-ebda mod jiġi replikat f’Malta.” Sostna li huwa ċar għal dawk li jridu jifmhu li l-hekk imsejħa zoos f’Malta, huma biss proġetti ta’ vanità u simboli tal-istatus ġodda għal xi nies. Insista li l-għan tal-gvern għandu jkun li dawn il-kollezzjonijiet privati ta’ annimali slavaġġ jingħalqu gradwalment u mhux l-inkoraġġiment tagħhom permezz ta’ regolamenti li jagħtu l-impressjoni li din it-tip ta’ trobbija hija xi ħaġa aċċettabbli.


Hu kompla jgħid li “kwalunkwe permess għal ‘zoos’, jekk u meta jkun hemm bżonn, għandu jingħata biss jekk dawn l-istrutturi jkunu ta’ benefiċċju għall-ispeċi partikolari. Liċenzji għandhom jingħataw biss lill-istituzzjonijiet ta’ riċerka li l-għan tagħhom ikun li jsalvaw speċi fil-periklu tal-estinzjoni, u li jrabbu speċi għall-eventwali ritorn tagħhom fl-abitati naturali tagħhom. Jew inkella lil stutturi ta’ rijabilitazzjoni jew li joffru santwarju għal annimali li ma jistgħux, minħabba l-istat ta’ saħħithom, jiġu ritornati fis-selvaġġ.” Insista kif kull stuttura għandha toffri kundizzjonijiet tal-għajxien viċin kemm jista’ jkun tal-abitat naturali tal-annimal. Qal li l-introduzzjoni mill-ġdid fin-natura Maltija ta’ speċi li saru rari f’Malta, ċertament ma jfissirx iljuni, tigri u ġiraffi għax l-ebda struttura ma tista’ toffri ambjent idoneju għal dawn it-tip ta’ annimali f’Malta.

“Aħna ntennu li ż-zoos mhux meħtieġa. Filwaqt li r-regolamenti proposti jistgħu jistabbilixxu standards minimi għall-benesseri tal-annimali, għalkemm il-gvern diġà ċeda u se jippermetti li l-annimali slavaġġjintużaw għal skopijiet kummerċjali, il-fatt jibqa’ li kollezzjonijiet privati ta’ annimali slavaġġ għandhom jinqatgħu,” temm jgħid Zerafa.