80,000 jiggwadanjaw minn trasport b’xejn – Il-Ministru Ian Borg

Read in English.

Waqt il-Business Breakfast organizzat minn Newsbook.com.mt il-Ministru Borg qal li l-pandemija ippermettitilna nirriflettu iżda ħadd ma jrid jerġa’ jmur għal żmienha u issa bħala pajjiż irridu naraw kif se nadattaw it-trasport għan-normalità l-ġdida. Huwa semma li t-trasport huwa settur li qed jingħata l-importanza tiegħu u li tajjeb li niddiskutu.

Kull soċjetà, qal il-Ministru, għandha taħdem għal trasport pubbliku effiċjenti billi jkun hemm investiment fil-vetturi. “Il-Gvern kien daħħal operatur ġdid iżda l-kultura eżistenti rreżistiet ir-riforma u rrikorrew għall-mezzi privati tat-trasport”, kompla jgħid. Il-Gvern, żied il-Ministru, beda jirriforma dik ir-riforma u l-ammont ta’ sussidju li qed jagħti l-Gvern joqrob €30 miljun. Kompla jgħid li għalkemm qed isir aktar investiment minn min qed jipprovdi t-trasport, in-nies għadhom qed jistennew aktar titjib.

Is-sena li għaddiet kien hemm 60,000 persuna li ggwadanjaw minn trasport pubbliku b’xejn. Din is-sena se jkun hemm 80,000 persuna li jiggwadanjaw, qal il-Ministru. Huwa semma wkoll li l-użu ta’ laneċ kellu suċċess iżda jeħtieġ li jiżdied.

Il-Ministru irrefera wkoll għal titjib fl-infrastruttura li għalih il-Gvern qed jonfoq miljuni kbar u mhux biss fuq il-proġetti kbar infrastrutturali bħal proġett tal-Marsa u s-Central Link. Qal li se jiżdiedu wkoll l-ispazji fejn wieħed jimxi fit-toroq, pontijiet pedonali u postijiet fit-toroq fejn wieħed ikun jista’ juża r-rota bħal pereżempju dak li se jsir fis-Central Link.

Huwa qal li wieħed mil-legati li jixtieq iħalli huwa proġett għat-trasport tal-massa li jinkludi l-metro li se jitqiegħed għad-diskussjoni. Se jkun hemm żgur, qal il-Ministru, diskussjoni wiesgħa.

Tmexxi d-diskussjoni Amy Borg minn Newsbook.com.mt