80,000 barrani fostna

X’inhu l-effett fuq il-ħajja ta' kuljum tagħna?

REUTERS

Joe Huber jintervista lill-Profs. Adrian-Mario Gellel dwar kif nistgħu ngħixu ma’ persuni b’kulturi, lingwi u twemmin differenti … u nagħmlu dan bir-rispett.

F’Malta żdiedu ħafna l-barranin. X’inhu l-effett fuq il-ħajja ta’ kuljum tagħna?

Fl-aħħar sitt snin in-numru ta’ persuni barranin li jgħixu Malta żdied għal madwar 80,000. Jiġifieri wieħed minn kull sitt persuni f’Malta mhuwiex Malti. Kull persuna minn dawn iġġib magħha kultura, lingwa u twemmin differenti. Għalkemm ir-reliġjon Kattolika għadha l-aktar reliġjon ipprattikata (92% jiddikjaraw li huma Kattoliċi), hawn ukoll bejn 40 u 50 komunitajiet reliġjużi oħra. Il-biċċa l-kbira huma Nsara (Ortodossi, Protestanti u Evanġeliċi). L-akbar komunità wara l-Insara hija dik Musulmana. Hawn ukoll komunitajiet żgħar ta’ Lhud, Ħindu, Baha’i u Sikh. 

L-implikazzjonijiet fuq il-ħajja ta’ kuljum huma varji. Pereżempju, x’tip ta’ ikel għandek toffri f’riċeviment? Fejn u kif se jsibu post tat-talb għalihom? Il-bidla taf iġġib magħha biża’, nuqqas ta’ fiduċja u preġudizzji. Irridu noqogħdu attenti biex ma jinħoloqx uġigħ bla bżonn.

Għaliex għandna nagħtu kas ir-reliġjon ta’ persuni oħra?

L-ewwel nett, jeħtieġ nirrispettaw lill-persuna fit-totalità tagħha. Ir-reliġjon hija parti integrali tal-identità tal-persuna. Jekk tinjoraha tkun qiegħed tinjora parti essenzjali ta’ dak li jagħmilna minn aħna. L-aktar importanti, però, huwa li mhux biss nittolleraw imma verament naċċettaw id-differenzi. Għalhekk qed inniedu proġett, parzjalment iffinanzjat mill-Asylum, Migration, Integration Fund tal-Unjoni Ewropea, biex saret riċerka u jkunu jistgħu jinstabu mezzi kif persuni ta’ twemmin differenti jkunu integrati b’mod sħiħ fis-soċjetà Maltija.

X’sibtu fir-riċerka li għamiltu?

Għamilna riċerka fost tobba, infermiera, għalliema u social workers. Ridna naraw l-esperjenza ta’ dawn il-professjonisti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ persuni ta’ twemmin differenti. Naturalment, l-aktar li joħolqu diffikultajiet huma l-lingwa u l-kultura, imma anki r-reliġjon differenti tista’ toħloq ansjetà fil-professjonisti minħabba l-biża’ li jistgħu joffendu lill-pazjenti. Hemm ukoll il-biża’ li persuni ta’ twemmin differenti jimponu l-prattiki tagħhom. Sibna li l-professjonisti għandhom għatx kbir biex jitgħallmu aktar dwar ir-reliġjonijiet u dwar kif jistgħu jaddattaw għall-ħtiġijiet ta’ persuni bi twemmin jew prattiki reliġjużi differenti, bħal kif iġibu ruħhom meta titwieled tarbija jew meta l-istudenti jsumu.

X’qed jipproponi l-proġett biex inkunu soċjetà aktar inklużiva?

L-ewwel, nixtiequ nqajmu sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku u l-professjonisti biex ikollna attitudnijiet pożittivi lejn persuni ta’ twemmin differenti minn tagħna. Fil-preżent qed nagħtu taħriġ lill-professjonisti fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-assistenza soċjali. Qegħdin ukoll fil-proċess li nippubblikaw manwal u sit web b’tagħrif prattiku. Dan kollu qed nagħmluh f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Interreliġjuża tal-Knisja f’Malta, il-Kummissjoni Ekumenika Maltija.

Fejn tinstab aktar informazzjoni biex wieħed jirrispetta persuni ta’ fidi mhux Kattolika?

Bħalissa qed nippreparaw manwal ċkejken b’numru ta’ risposti għal mistoqsijiet prattiċi, bħal x’tip ta’ rigali għandek tagħti jekk tkun mistieden għall-ikel għand persuna ta’ twemmin differenti, jew għal xiex l-għalliema trid toqgħod attenta meta jkollha studenti ta’ twemmin differenti, eċċ. Apparti l-manwal, qed nippubblikaw ukoll sit web (livingtogether.mt) li fih informazzjoni u madwar 900 risposta għal mistoqsijiet dwar reliġjonijiet li jinstabu f’Malta.

Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.