800 mara jiddaħħlu l-isptar minħabba korriment

Fl-aħħar sentejn 791 mara ddaħħlu l-isptar minħabba korriment. 28 fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-bqija fl-Isptar Mater Dei.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għas-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa qalet li dan in-numru ma jirrappreżentax lin-nisa kollha li sofrew korriment għax hemm uħud li jibqgħu d-dar.
Spjegat li f’Mater Dei, in-nisa li jkorru jiġu rikoverati fis-Sala Obstetrika 2 u jinżammu għal madwar jumejn. Kompliet tgħid li jkun hemm każijiet li l-pazjenti jkunu jistgħu jintbagħtu d-dar qabel u oħrajn li jkollhom bżonn kura iktar fit-tul.
Ilbieraħ, omm li ftit ġimgħat ilu tilfet it-tarbija tagħha, qalet ma’ Newsbook.com.mt, li għadha qed tipprova tirkupra mit-trawma, u esprimiet id-diffikultajiet li affaċċjat meta fl-istess waqt ħdejha fl-isptar, kien ommijiet ġodda bit-trabi f’ħoġorhom.
Appellat biex l-awtoritajiet tal-isptar ikunu aktar sensittivi għal dak li tkun għaddejja minnu mara bħalha.
Il-kelliema għas-Segretarjat spjegat kif l-esperjenza ta’ korriment ma taffetwax lil kulħadd bl-istess mod. “Hemm min isib l-appoġġ tal-membri tal-familja u persuni oħra qrib tiegħu li jkun biżżejjed.”
Madanakollu sostniet li hemm min ikollu bżonn iktar appoġġ mingħand Practice Midwife (Bereavement & Support) li toffri counselling lill-koppja mġarrba, wara li l-omm tkun intbagħtet id-dar, li tista' tiġi kkuntattjata fuq 25457000.
Semmiet ukoll l-appoġġ li jingħata fi grupp mill-għaqda volontarja SANDS Malta (Stillbirth & Neo natal Death Society), li jistgħu jiġu kkuntattjati fuq 21 238 068 jew 21 238 942
“Jista’ jkun hemm bżonn li l-omm tiġi riferuta għand psikjatra, speċjalment jekk ikun hemm diffikultajiet psikoloġiċi oħra,” żiedet tgħid.
Wara li l-omm toħroġ mill-isptar, jingħata appuntament għall-sitt ġimgħat wara bħala outpatient, biex jiġi konkluż jekk hemmx xi investigazzjonijiet, kura jew prekawzjonijiet li għandhom bżonn jittieħdu qabel jew waqt tqala oħra.