80 tunnellata ta’ kompost miż-żabra f’Ħaż-Żebbuġ

Facebook / Steve Zammit Lupi

Read in English.

80 tunnellata ta’ kompost ġiet iġġenerata miż-żabra tas-siġar li saret f’Ħaż-Żebbuġ propju fi Triq Scortino.

Il-Kunsill Lokali qal li l-friegħi u l-weraq li waqgħu miż-żabra ġew użati biex inbidlu f’materjal li jintuża għall-kompost.

It-tip ta’ kompost li sar jissejjaħ “mulch”. Dan jipprevjeni l-erożjoni tal-ħamrija, iżomm l-umdità fl-art, jgħin biex jiġi evitat it-tkabbir tal-ħaxix ħażin u jgħin lill-ħamrija tibqa’ fl-istess temperatura.

Il-Kunsill spjega li dan il-materjal issa se jintuża biex jitpoġġa f’postijiet bil-ħamrija u siġar madwar il-lokalità.

Din l-inizjattiva ġiet ikkomunikata f’aktar dettal fuq il-midja soċjali mill-Kunsillier indipendenti Steve Zammit Lupi. Fuq Facebook huwa spjega l-proċess li permezz tiegħu l-iskart iġġenerat miż-żabra tas-siġar ma nħelix anzi ntuża bħala riżorsa importanti fl-ekosistema.

Zammit Lupi spjega li s-siġar tal-Ficus mhix siġra indiġena u hija magħrufa li tikber b’rata mgħaġġla. Qal li dawn is-siġar f’din it-triq kienu ġew imħawwlin mill-istudenti tal-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ fis-snin 50.