Sal-aħħar ta’ Settembru jitlesta 80% tal-proġett f’Bormla

Il-Ministru għall-Infrastruttura u Trasport Joe Mizzi qal li 80% tal-proġett ta’ Bormla se jitlesta sal-aħħar ta’ Settembru li ġej.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Bormla, il-Ministru Mizzi spjega kif ix-xogħlijiet fuq it-toroq bħala parti mill-proġett ta’ riabilitazzjoni tal-Baċir Numru wieħed tlestew diversi ġimgħat qabel iż-żmien.

Huwa sostna li l-proġett għandu jkun lest kompletament f’Awwissu tas-sena d-dieħla u li mhux se jkunu qed jintilfu fondi Ewropej.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li x-xogħol jinsab għaddej b’ritmu mgħaġġel, bil-maġġorparti tal-ħaddiema li qed jaħdmu fuq dan il-proġett huma ħaddiema tal-Gvern.

Spjega kif illum għalaq it-tender għax-xogħlijiet fuq Pjazza Gavino Gulia, fejn l-ewwel xogħol se jkun jinkludi tħaffir ta’ gandott biex jiġu mgħoddija s-servizzi.

Huwa assigura lill-Bormliżi li l-pavimentar f’din il-pjazza se jkunu lesti fil-ħin għal festa tal-Kunċizzjoni f’Bormla.

Ix-xogħol fuq din il-Pjazza, mistenni jibda fl-aħħar ta’ Awwissu u se jsir f’erba’ fażijiet li jinkludu l-instalazzjoni ta’ servizzi ġodda, installazzjoni ta’ culvert għall-ilma tax-xita, xogħol fuq Triq ix-Xatt u l-inħawi ta’ fuq San Pawl.

Dan ix-xogħol mistenni jitlesta f’Novembru.

Sadanittant, f’Ottubru li ġej mistenni jibda x-xogħol fuq il-belvedere u l-kostruzzjoni tal-pont bejn l-Isla u Bormla.

Fil-bidu ta' dan ix-xahar, minn ritratti li kienu qed jiċċirkolaw fuq l-internet, irriżulta li x-xogħol fi Triq ix-Xatt ta' Bormla kellu jerġa' jinqala'.

Madanakollu l-Ministru Mizzi qal li x-xogħol li kellu jiġi rranġat inqala' u li jinsab għaddej b'ritmu tajjeb.

 

Ritratti: Jeremy Wonnacott / Charmaine Attard