80% tal-MPs nisa ġarrbu vjolenza psikoloġika

Giulia Bertelli, Unsplash

Read in English.

80% tal-Membri Parlamentari nisa fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea ġarrbu vjolenza psikoloġika.

Dan ħareġ waqt konferenza dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi f’Helsinki fil-Finlandja, li għaliha attenda Newsbook.com.mt.

Jakub Caisi, uffiċjal tal-istatistika fl-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) ippreżenta ċifri oħra. Fost l-oħrajn li:

  • Nofs in-nisa fil-pajjiżi Ewropej esperjenzaw fastidju sesswali
  • Terz tan-nisa ġarrbu vjolenza fiżika jew sesswali
  • Waħda minn kull ħames nisa ġew iffastidjati fuq l-internet
  • Mara tiddedika 13-il siegħa iktar f’xogħol tad-dar u mat-tfal meta mqabbla mar-raġel
  • 7.7 miljun mara u nofs miljun raġel ma jaħdmux minħabba responsabbiltajiet tad-dar
  • 9 miljun mara u 0.6 miljun raġel jaħdmu part-time minħabba responsabbiltajiet tad-dar
  • Ir-rata tal-impjiegi żdiedet imma d-differenza bejn is-sessi baqgħet l-istess.
  • Livell għoli ta’ faqar fost ommijiet waħedhom, immigranti u nisa b’diżabilità.
  • Xelters għan-nisa: Nofs is-sodod ta’ dak li hemm bżonn
  • Nofs l-immigranti nisa jinsabu f’riskju ta’ faqar
  • Nofs l-immigranti nisa ma jaħdmux
  • Mara minn kull ħames immigranti nisa żgħażagħ ma jattendux skola u lanqas jaħdmu.

Minn naħa tagħha, Virginija Langbakk, id-Direttur tal-EIGE saħqet li l-għodda qiegħda hemm, u li issa jmiss li tittieħed azzjoni.

“L-ugwaljanza bejn is-sessi ta’ kontribut għal kulħadd”

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru Finlandiż għall-Ugwaljanza Thomas Blomqvist, li saħaq li l-ugwaljanza bejn is-sessi mhix biss ta’ valur iżda ta’ kontribut għal kulħadd. Saħaq li t-tisħiħ tal-politika dwar l-ugwaljanza fl-UE hija waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

“L-ugwaljanza mhux portafoll kożmetiku”

Id-Direttur-Ġenerali tad-Direttorat għall-Ġustizzja u l-Konsumatur fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, Tiina Astola qalet li din hi l-ewwel darba li l-Kummissjoni għandha portafoll iddedikat għall-ugwaljanza, waqt li semmiet lill-Kummissarju nnominata Maltija Helena Dalli. Saħqet li dan il-portafoll mhux wieħed kożmetiku, imma għandu l-għan li jpoġġi lin-nisa fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet.