80% tal-Maltin favur l-ispeed cameras

Tmienja minn kull għaxar Maltin jgħidu li huma favur l-ispeed cameras fit-toroq Maltin. Dan joħroġ minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika kkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Fost is-sejbiet li ħarġu minn din ir-riċerka, jidher li b’mod ġenerali il-Maltin ma jħossux li l-kunsilli lokali għandhom impatt sinifikanti fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Meta mqabbel mal-aħħar studju simili, jiġi reġistrat tnaqqis fil-livell ta’ għarfien taċ-ċittadini dwar is-servizzi li joffru l-istess Kunsilli Lokali.
Tnaqqis ieħor ġie reġistrat fil-livell ta’ sodisfazzjon wara li ċittadin jagħmel użu minn xi servizz li joffri l-kunsill lokali.
L-iktar temi diskussi fi ħdan il-familji, mal-ħbieb u mal-kollegi tax-xogħol, jibqgħu jiddominaw is-servizzi tat-trasport pubbliku, it-traffiku in ġenerali u l-edukazzjoni.
Inqas min-nofs ta’ dawk li wieġbu (40%) jgħidu li m’humiex sodisfatti bis-sistema preżenti tal-gwardjani lokali.
Joħroġ ukoll li madwar 20% ta’ dawk li wieġbu, jagħmlu użu mis-servizzi elettroniċi tal-E-Government.