“80% tal-Maltin aktar sinjuri mis-suq tal-propjetà” -Muscat

F’intervista fuq One radio, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-fatt li riżultati minn Bloomberg urew li Malta għandha l-iktar suq tal-propjetà li qed jikber, 80% tal-Maltin awtomatikament saru iktar sinjuri. Dan għaliex 80% tal-Maltin għandhom il-propjeta tagħhom stess.

Il-Prim Ministru kompla billi qal li l-gvern qed jaħdem sabiex ikun hemm skemi li jindirizzaw lill-20% l-oħra li m’għandhomx biex iħallsu l-10% tal-valur tal-propjetà li jridu jixtru sabiex ikunu jistgħu jisselfu.

Muscat qal dan b’risposta għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn Delia qal li jista’ jkun li hemm bżonn li nwaqqfu l-ekonomija milli tkompli tikber b’din ir-rata. Il-Prim Ministru żied jgħid li fl-ekonomija għandek “sistema ta’ gass u klaċċ”; Jekk wieħed jagħfas il-brejkijiet, l-iktar li jbatu jkunu l-Middle Class u l-fqir.

Meta mistoqsi dwar iċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid f’Ħal Kirkop li ġie inawgurat aktar kmieni din il-ġimgħa, Muscat irrimarka li dan iċ-ċentru tas-saħħa se jilqa’ 28,000 persuna li kienu jinqdew miċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana. Il-Prim Ministru semma wkoll il-pjan li jinfetaħ ċentru tas-saħħa ieħor ġdid fit-tramuntana ta’ Malta għall-postijiet minn San Pawl il-Baħar il’ fuq, li bħalissa jinqdew miċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta.

Joseph Muscat ikkummenta ukoll dwar dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, fejn, skont Muscat, Delia qal li Malta għanda ssir ċentru ta’ salvataġġ għall-immigranti. Muscat qal li Malta mhux se tħalli pajjiżi oħrajn jitfgħu l-piż fuqha. Huwa qal li “It–triq tagħna hija t-triq tas-sens komun, ta’ interess nazzjonali, ta’ umaniżmu, imma ukoll ta’ stat sovran li mhux se jaċċetta li jiġri dan.”

Meta mistoqsi dwar il-baġit, il-Prim Ministru qal li dan il-baġit żgur mhux se jkun l-istess baġit li ħabbar il-gvern Nazzjonalista wara l-elezzjoni tal-2008. Huwa qal li d-diskors f’ħalq in-nies għandu jkun “kemm se jżidna”, jew “x’se jżidna”.

Ir-risposta ta’ Delia għal dak li qal Muscat dwar l-immigrazzjoni

Adrian Delia, filwaqt li ċaħad li qal li Malta għandha għanda tkun post fejn jinġiebu l-immigranti, qal li l-Prim Ministru qed  jinħela fuq spin u jdawwarlu diskorsu għax m’għandux pjan għall-immigrazzjoni. Delia stqarr li Muscat irid jara kif se jsolvi l-problemi li ħoloq hu stess biż-żieda fl-immigrazzjoni bla pjan “għax qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni minflok bil-produzzjoni”.

Delia qal li hu ried jgħid li Malta tista’ tikkoordina s-salvataġġ tan-nies li jispiċċaw f’diffikultà f’nofs ta’ baħar sabiex ma jintilfux il-ħajjiet. Ġa la darba in-nies jingħataw l-għajnuna meħtieġa, jmorru “dritt għall-ażil… immedjatament f’pajjiżi oħra”.