80% tal-Insara sparixxew mill-Iraq

L-Insara fl-Iraq u partijiet oħra tal-Lvant Nofsani qed jinkinsu fuq skala mingħajr preċedent, f’diversi kampanji ta’ tindif etniku mill-ISIS.
Il-Gatestone Institute qal fuq is-sit elettroniku tiegħu li l-ISIS qatlu aktar minn 1,130 Nisrani u kissrulhom 125 knisja, u ħafna minn dan il-qtil anqas biss kien irrappurtat fil-midja ewlenija.
S’issa 80% tal-Insara sparixxew mill-pajjiż mifluġ bil-gwerra, skont rapport tas-Soċjetà Iraqina tad-Drittijiet Umani, li ddeskriviet is-sitwazzjoni fil-pajjiż bħala waħda fejn qed isir ġenoċidju tal-minoritajiet Insara, Yazidis u Shabacks li qed ikunu ppersegwitati kemm reliġjożament kif ukoll etnikament.
Il-Gatestone Institute ikkwota lir-Rabbi Franċiż, Haim Korsia, li xebbah is-sitwazzjoni mal-olokawst filwaqt li appella lill-pajjiżi Ewropej u tal-Punent biex jiddefendu lin-nies mhux Musulmani li jgħixu fir-reġjun.
Sadattant l-organizzazzjoni Aid to the Church in Need qalet li l-persekuzzjoni tal-Insara fl-Iraq hi l-agħar waħda li qatt kien hawn fl-istorja.
Riċentement instab qabar tal-massa bl-iġsma ta’ 40 Nisrani fl-inħawi ta’ Mosul fejn mijiet ta’ djar tal-Insara tfarrku minn gruppi estremisti.
L-Istitut Gatestone qal li l-Insara fl-Iraq kienu ttraduti mill-Punent u akkuża lill-gvernijiet, isqfijiet, il-midja u anke gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem li mhux qed jagħmlu biżżejjed biex jiddefenduhom.