80% tal-Ingliżi jistgħu jiġu infettati bil-coronavirus – NHS

A woman wears a surgical mask as she walks through Terminal 5 at Heathrow Airport in London, Britain March 6, 2020. REUTERS/Hannah McKay

Hu previst li l-pandemija tal-coronavirus fir-Renju Unit tibqa’ għaddejja sar-rebbiegħa tas-sena d-dieħla, u li din tista’ twassal biex jiddaħħlu l-isptar 7.9 miljun persuna – dan ġie żvelat minn dokument sigriet ta’ Public Health England (PHE) li ngħata lill-uffiċċjali għolja fl-NHS.

Dan id-dokument jissuġġerixxi wkoll li l-kapijiet tas-saħħa huma ppreparati għall-fatt li madwar 80% taċ-ċittadini Ingliżi jistgħu jiġu infettati bil-coronavirus matul dan iż-żmien. Id-dokument jgħid li: “Madwar 80% tal-popolazzjoni huma mistennija li jiġu infettati bil-Covid-19 fit-tnax-il xahar li ġejjin, u madwar 15% (7.9 miljun persuna) minn dawn jista’ jkollhom bżonn li jiddaħħlu l-isptar.” “Din l-aħbar dwar il-fatt li s-sitwazzjoni tista’ titwal għal 12-il xahar ser tolqot ħażin lill-poplu kollu, u kulħadd se jkun tassew inkwetat dwar dan”, qal Paul Hunter, professur tal-mediċina fl-Università ta’ East Anglia.

“Sena hija perjodu ta’ żmien realistiku. Imma din iċ-ċifra mhux qed tiġi apprezzata jew mifhuma kif suppost,” żied Hunter, espert fl-epidemjoloġija.

“Naħseb li din se tonqos matul is-sajf, forsi lejn l-aħħar ta’ Ġunju, imma terġa’ tfeġġ f’Novembru, bħal kif tagħmel f’dan il-perjodu l-influwenza staġjonali. Jien naħseb li dan il-virus se nibqgħu narawh, iżda jsir anqas server maż-żmien, hekk kif nibnu l-immunità għalih,” kompla jgħid.

Jidher li l-ammissjoni li l-virus se jibqa’ jikkawża problemi għal sena oħra jeqred it-tama li t-temperaturi aktar sħan tas-sajf jistgħu joqtluh.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn