Awdjo: “80% ta’ problemi ta’ saħħa mentali jibdew qabel il-25 sena” – Dr John Cachia

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr John Cachia, qal ma’ Newsbook.com.mt li 80% tal-problemi ta’ saħħa mentali jibdew meta persuna jkollha taħt il-25 sena.
Kien għalhekk li faħħar il-proposta tal-istudenti tal-Psikoloġija, li jattendu l-Giovanni Curmi Higher Secondary, biex ikun hemm walk-in mental health clinic fuq il-kampus għal dawk l-istudenti li jkollhom bżonn sapport u kura psikoloġika.
L-Organizzazzjoni tal-Istudenti tal-Psikoloġija (OOPS) nedew dan il-proġett aktar kmieni din il-ġimgħa u meta jidħol fis-seħħ se jkun l-ewwel tax-xorta tiegħu f’Malta.
Sodisfatt bl-inizjattiva tal-istudenti
Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Cachia qal li l-Kummissarjat huwa sodisfatt u impressjonat bl-inizjattiva ta’ dawn l-istudenti u jinsab ċert li ġaladarba implimentat se jkun replikat madwar Malta.
L-istudenti talbu l-għajnuna tal-Kummissarjat u ta’ esperti oħra fil-qasam, biex dan is-servizz ikun differenti mis-servizz tal-counselling li diġà huwa offrut f’diversi skejjel.
KiF spjega Dr Cachia, din il-klinika se toffri post sigur lil dawk iż-żgħażagħ li jridu jitkellmu iżjed fid-dettall u jitolbu għajnuna iżjed professjonali.
Kien hawn li l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali spjega li l-grupp l-iżjed f’riskju li jiżviluppa problemi ta’ saħħa mentali huma dawk iż-żgħażagħ li jkollhom bejn is-16 u l-25 sena u spjega diversi fatturi li jwasslu għal dan, fosthom l-ansjetà, id-dipressjon, it-tensjoni fl-iskola u l-pressjoni mill-ħbieb u mill-ġenituri.
Fi kliemu, mhux iż-żgħażagħ kollha huma kapaċi jegħlbu t-tensjoni li jġib miegħu dan iż-żmien.
Klinika li tgħin liż-żgħażagħ
Għalhekk, din il-klinika toffri l-possibilità lil dawn iż-żgħażagħ biex jekk xi ħaġa qed iddejjaqhom ifittxu l-għajnuna kmieni qabel ma’ ssir problema, diżordni jew marda.
“Is-soluzzjoni hija previżjoni fl-għerq tal-problema,” spjega Dr Cachia. Faħħar dawn l-istudenti li wara kampanji ta’ għarfien, imxew għall-pass li jmiss biss iħeġġu żgħażagħ ifittxu l-għajnuna jekk jindunaw li għandhom problema.
Qabel ukoll li din il-klinika tista’ tiġġieled l-istigma tal-mard mentali, li fi kliemu tfisser biss il-biżgħa li tfittex l-għajnuna.
Spjega li dan il-kunċett se jkun mibni fuq dak implimentat f’diversi pajjiżi oħra. Semma kif fl-Awstrajla diġà hemm ‘il fuq minn 100 walk-in-clinic.
Tkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa u qal li f’konferenza li saret din il-ġimgħa fl-Irlanda, iltaqa’ ma’ diversi gruppi li se jimplimentaw dan il-kunċett f’pajjiżhom u għalhekk qal li dawn l-istudenti Maltin qed jimxu ma’ dak li qed isir f’pajjiżi ġirien u saħansitra qegħdin qabel pajjiżi oħra.