80 sena ilu ħareġ Gone With the Wind

Kien bħal-lum 80 sena li nħareġ għall-ewwel wiri l-film Gone with the Wind, meħud mir-rumanz tal-1936 ta’ Margaret Mitchell. Il-film tal-1939 kien prodott minn David O. Selznick ta’ Selznick International Pictures u dirett minn Victor Fleming.

Fl-istorja naraw l-imħabba ta’ bejn mara manipulattiva u raġel diżonest  li jmexxu l-imħabba mqallba tagħhom fin-nofsinhar tal-Istati Uniti matul il-Gwerra Ċivili Amerikana.
Il-film kiseb popolarità tassew kbira matul is-snin u sal-lum għadu film li jiġbed bosta telespettaturi quddiem it-televiżjoi kull meta jintwera. Ir-raġuni għall-popolarità tiegħu ġejja mill-fatt li kien wieħed mill-ewwel films bit-Technicolor li qatt saru minn Hollywood u juri bosta sitwazzjonijiet komuni fil-ħajja speċjalment dawk li jmorru lura fl-istorja bħall-iskjavitù, l-adulterju u s-serq.

Gone With the Wind għandu tul ta’ tliet sigħat u 58 minuta. Jaħdmu fih Clark Gable, Vivien Leigh, Leslie Howard u Olivia de Havilland. Dak iż-żmien Clark Gable kien meqjus bħala Ir-Re ta’ Hollywood u l-preżenza tiegħu fil-film assigurat dħul sostanzjali fil-box office li kien sewa $3.85 miljun biex inħadem, somma kbira għal dawn is-snin. Finalment il-film kien daħħal madwar $390 miljun.

Il-film rebaħ tmien Oscars: l-Aħjar Film, l-Aqwa Attriċi f’Parti Prinċipali, l-Aqwa Attriċi f’Parti Sekondarja, l-Aqwa Direttur, l-Aqwa Screenplay, l-Aqwa Editing, l-Aqwa Ċinematography u l-Aqwa Art Direction.

Ta’ min isemmi li Margaret Mitchell, li kitbet ir-rumanz Gone With the Wind, fl-età ta’ 48 sena, mietet b’daqqa ta’ karozza fil-11 ta’ Awwissu 1949 meta kienet taqsam it-triq ma’ żewġha fil-belt ta’ Atlanta waqt li kienu sejrin jaraw il-film A Canterbury Tale. Hugh Gravitt, is-sewwieq, kien xurban u għaddej wrong way. Kien intbagħat sena u nofs ħabs.