Aġġornata: 3 mill-immigranti li ddaħħlu Malta jittieħdu l-isptar

Aġġornata 12:58
Tlieta mill-immigranti li waslu Malta aktar kmieni llum ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta' ambulanza. Waqt l-iżbark ittieħdu l-prekawzjoni kollha f'każ ta' suspett infettati bil-virus tal-Ebola. 
Dwar il-kundizzjoni ta' dawn l-immigranti se ssir konferenza tal-aħbarijiet fis-1.30pm fl-Isptar Mater Dei. 
Iktar kmieni:
85 immigrant iddaħħlu abbord patrol boats tal-Forzi Armati ta’ Malta wara li ġew interċettati iktar kmieni llum fuq dinghy, mili ’l barra fil-Lvant ta’ Malta.
Huma ddaħħlu f’Xatt it-Tiben ftit tal-ħin ilu.
Skont rapporti, fil-ħin li ġew interċettati, l-immigranti kienu jidhru li kienu ilhom fil-vjaġġ tagħhom għal xi ġranet. Huma qalu li oriġinarjament kienu madwar 100 imma 20 persuna minnhom għerqu. 
Dan hu l-ewwel salvataġġ, f'għadd ta' xhur, ta' immigranti li ddaħħlu f'Malta.