80 immigrant fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija – Alarm Phone

Read in English.

L-għaqda Alarm Phone qalet li hemm mat-80 persuna fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija li għandhom bżonn l-għajnuna.

Fuq Twitter, Alarm Phone qalet li ġew infurmati dwar dan mill-immigranti stess kmieni dalgħodu.

Alarm Phone qalet li infurmat lill-awtoritajiet dwar dan fl-4.19am ħin lokali. Però, qalet li Malta naqqset milli tagħti informazzjoni dwar il-ħidma ta’ salvataġġ. Spjegat li l-aħħar kuntatt li kellha mal-immigranti kien fis-6.23am. Appellat biex l-immigranti jiġu salvati.

Grupp ta’ disat itfal u 18-il mara ddaħħlu Malta għal raġunijiet umanitarji. Dan tħabbar mill-Gvern fi stqarrija maħruġa mill-Forzi Armati ta’ Malta dalgħodu. Intant, kelliem għall-Gvern ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li mal-istess grupp ta’ immigranti kien hemm 90 immigrant ieħor li wkoll ġew salvati mill-AFM, iżda minħabba li hawn restrizzjonijiet biex jipprevjenu l-imxija tal-coronavirus, dawn ittieħdu abbord il-vapur tal-Captain Morgan, u ma ddaħħlux Malta wkoll.

Għadu mhux magħruf jekk dan l-aħħar grupp huwiex l-istess grupp li qed tirreferi għalih l-Alarm Phone.