80 ħaddiem jinstabu jgħixu f’lukanda magħluqa b’avviż ta’ infurzar

Read in English.

80 ħaddiem barrani nstabu jgħixu f’lukanda f’Tas-Sliema, li kienet ingħalqet b’avviż ta’ infurzar.

L-impjegati, li qed jaħdmu fuq proġett lokali nqabdu wara li sar rapport. Uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ordnaw lill-ħaddiema biex jgħixu f’akkomodazzjoni alternattiva.

Din l-informazzjoni ħarġet fil-bullettin ta’ kuljum li l-Gvern joħroġ dwar il-coronavirus.

Il-Gvern qal li “l-kumpanija li timpjega lil dawn il-ħaddiema, diġà sabitilhom akkomodazzjoni alternattiva”. Kollox jindika li l-ħaddiema ġew Malta qabel ma ġiet introdotta l-kwarantina mandatorja għal dawk li jkunu ġew mis-safar.

Żewġ persuni jiksru l-kwarantina

Filwaqt li l-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb baqgħu josservaw ir-regolamenti u baqgħu magħluqa, żewġ persuni weħlu multa ta’ €3,000 kull wieħed talli kisru r-regolamenti tal-kwarantina.

Il-Pulizija ssejħet ukoll biex tifred gruppi ta’ ħames persuni jew iktar, li kienu miġbura f’postijiet pubbliċi. Dawn l-abbużi jistgħu jiġu rrappurtati fuq 21692447.

Fl-aħħar 24 siegħa saru 470 spezzjoni f’restoranti Malta u 160 f’restoranti Għawdex. Saru wkoll 542 spezzjoni fuq persuni li qegħdin taħt kwarantina mandatorja.

Aktar minn 30 avviż legali f’inqas minn ġimagħtejn

Fl-aħħar ġimagħtejn inħarġu aktar minn 30 avviż legali b’rabta ma’ miżuri dwar l-imxija tal-coronavirus f’Malta. Il-Gvern qal li dawn qed jitfasslu mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.

Ara fejn tista’ ċċempel għal aktar għajnuna

  • 111 – Għall-persuni li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtieq iktar informazzjoni.
  • 21411 411 – Għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini.
  • 1772 – Għal dawk li jħossuhom waħedhom.
  • 153 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li se jiġu amministrati mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali.
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li se jiġu amministrati mill-Malta Enterprise.
  • 2204 2200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’wieħed mill-pajjiżi ta’ riskju għoli u jridu jiġu lura Malta;
  • 25981000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv u l-impatt tal-Coronavirus.
  • 21692447– Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra.
  • 25903030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix).
  • 25469111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn