80,000 persuna fis-sena jmutu b’kanċer mill-kimiċi

Madwar 80,000 ħaddiem, fl-Ewropa biss, imutu kawża ta’ kanċer ikkawżat minn kimiċi li jkunu esposti għalihom fuq il-post tax-xogħol.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej, filwaqt li tħabbar li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) issieħbet f’kampanja Ewropea, biex titqajjem kuxjenza dwar din ir-realtà fost il-ħaddiema u min iħaddem.
Il-Ministeru spjega li t-tema “Postijiet tax- xogħol li jġibu ’l quddiem is-saħħa – Jimmaniġġjaw is-sustanzi perikolużi 2018-19” intgħażlet minħabba li s-sustanzi perikolużi jaffettwaw numru kbir ta’ ħaddiema minn oqsma u setturi differenti.
Dawn jinkludu furnara, hairdressers u nail technicians, għal ħaddiema fis-setturi tal-agrikoltura, kostruzzjoni, saħħa u manifattura, fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej, Helena Dalli enfasizzat li m’hemmx kundizzjoni tax-xogħol iktar importanti minn dik li taħdem f’post sigur għal saħħtek.
Il-Ministru Dalli nediet ukoll set ta’ regolamenti ġodda dwar l-esponiment tal-ħaddiema għall-kimika fuq il-post tax-xogħol.
Ir-regolamenti jinkludu lista ġdida ta’ kimika, kif ukoll livelli ġodda ta’ esponiment biex ikun evitat ir-riskju li ssirilhom ħsara għal saħħithom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Mark Gauci spjega li tul il-kampanja se jsiru numru ta’ inizjattivi fosthom seminars lill-professjonisti u sessjonijiet fl-iskejjel sabiex jikber l-għarfien dwar dawn is-sustanzi perikolużi u kif wieħed jista’ jevita li jimrad jew imut minħabba fihom.