8 żgħażagħ ġew btala Malta; ħarġu pożittiv meta waslu lura l-Italja

Miguela Xuereb

Read in English.

Tmien żgħażagħ li ġew Malta għal btala nstabu pożittivi għall-COVID-19 mal-wasla tagħhom lura l-Italja.

Il-midja Taljana qed tirraporta li t-tmien żgħażagħ bejn is-17 u d-19-il sena rritornaw lura d-dar fis-7 ta’ Awwissu. Huma damu ġimgħa f’Malta. Intqal li beda l-proċess ta’ contact tracing fuq il-kuntatti ta’ dawn il-persuni li jidher li kien wieħed limitat.

F’kummenti mal-midja Taljana, l-awtoritajiet tas-saħħa Taljani appellaw liż-żgħażagħ biex ma jeħdux il-COVID-19 biċ-ċajt u biex dawn jipproteġu lilhom infushom u lil dawk qrib tagħhom.

Każi simili

Dan mhux l-ewwel każ ta’ persuni li qed ilaqqtu l-virus f’Malta u jimpurtawh fil-pajjiż tar-residenza tagħhom.

Grupp ta’ ħbieb li ġew btala Malta nstabu pożittivi għall-coronavirus meta waslu lura d-dar tagħhom fi Spanja.

Intant, żagħżugħ Taljan ieħor li kien Malta għal vaganza rriżulta pożittiv għall-coronavirus mal-wasla tiegħu fl-Italja.