8 xhur mill-mewt ta’ Miriam Pace; “Nistenna li nerġgħu niltaqgħu ħa ngħannqek”

Bħal-lum tmien xhur ilu, Miriam Pace ntradmet taħt it-terrapien meta ġġarrfet darha minħabba xi xogħol tal-kostruzzjoni li kien għaddej biswitha. L-armel tagħha Carmel Pace kiteb li issa ma fadallu xejn x’jagħmel ħlief jistenna, jistenna li jerġgħu jiltaqgħu sabiex jgħannaqha miegħu.

Huwa tilef lil martu Miriam propju tmien xhur ilu meta hija kienet ġod-dar tagħhom fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun li ġġarrfet għax kien għaddej xi skavar ġo sit tal-kostruzzjoni biswitha. Wara tfittxija li damet għaddejja sigħat, Miriam Pace nstabet mejta. Hija kellha 54 sena.

Fuq Facebook, Pace kiteb li huma rnexxielhom iżommu ż-żwieġ tagħhom ħaj u sabiħ imma “minħabba l-egoiżmu u r-regħba għall-flus lilek radmuk taħt borġ ġebel u rnexxielhom jifirduna.”

Lil martu fissrilha li firduhom fiżikament biss, għax hi dejjem f’qalbu u f’moħħu. Irrakkonta kif dal-aħħar ġietu t-tentazzjoni li jċemplilha, għalkemm jaf li għalxejn. Ried jisma’ leħinha mill-ġdid.

Huwa temm il-messaġġ tiegħu billi talab lil martu tkun l-anġlu kustodju tagħhom u ssabbarhom.

2ta' Novembru‌‌8 xhur li fiżikament m'ghadekx miegħi. Mir mhux tort taghna li nfridna…. Kemm ħdimna u ħsiebna…

Posted by Carmel Pace on Sunday, November 1, 2020

Fil-qorti għaddejja l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-erba’ rġiel akkużati bi traskuraġni f’xogħolhom, li wasslet biex seħħet din it-traġedja. Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.