8 xhur l-isptar għax l-awtoritajiet m’awtorizzawx il-mediċina meħtieġa

Pazjenta spiċċat inżammet l-isptar għal tmien xhur sħaħ, fejn sitta minnhom kienet qed tistenna li l-mediċina li kellha bżonn tieħu biex tfiq tkun awtorizzata mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Dan ħareġ minn rapport ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman u li ġie ppreżentat fil-Parlament f’April.

L-ilment tressaq quddiem l-Ombudsman mir-raġel tal-pazjenta li kienet tbati minn kundizzjoni ta’ saħħa tant serja li setgħet twassalha biex saħansitra titlef ħajjitha. Hu lmenta li l-awtoritajiet tas-saħħa naqsu milli jagħtuha mediċina partikolari li kienet teħtieġ. Qal li kieku l-awtoritajiet tas-saħħa awtorizzaw il-mediċina meħtieġa, il-pazjenta setgħet tkun rilaxxata mill-isptar.

L-Ombudsman kien irrefera l-każ sabiex jiġi investigat mill-Kummissarju għas-Saħħa. Il-Kummissarju tkellem mal-Konsulent li min-naħa tiegħu spjega li l-każ tal-pazjenta kien wieħed rari. Hi kienet tbati minn kundizzjoni kronika reżistenti li potenzjalment setgħet tpoġġi ħajjitha fil-periklu. Il-Konsulent żied jgħid li hu kien ta mediċini oħra lill-pazjenta, iżda l-marda ma kinitx qed tkun ikkontrollata tajjeb. Spjega li l-unika trattament disponibbli li seta’ jżomm lill-pazjenta milli tqatta’ żmien twil fl-isptar kien propju t-trattament partikolari li hu kien ordnalha.

Il-Kummissarju sema’ kif erba’ xhur qabel, il-Konsulent kien diġà talab biex din il-pazjenta tingħata din l-istess mediċina iżda l-Kumitat ma laqax din it-talba tiegħu.

Il-Kummissarju talab għall-kummenti tad-Dipartiment tas-Saħħa li min-naħa tiegħu informah li l-Konsulent kien intalab biex jipprova mediċina alternattiva minflok dik il-mediċina partikolari li kien ippreskriva hu. Il-Konsulent kien tal-fehma illi l-uniku trattament biex il-pazjenta ma tinżammx rikoverata fl-isptar għal tul ta’ żmien kien it-trattament li ppreskriva hu.

Wara dan, il-Kummissarju talab lill-Kumitat biex jerġa’ jikkunsidra dan il-każ b’mod urġenti għaliex il-pazjenta kienet qed tinżamm l-isptar. Huwa kiteb lid-Dipartiment tas-Saħħa jilmenta illi meta l-Kumitat talab lill-Konsulent sabiex jipprova mediċina alternattiva, meta l-istess Konsulent ma kienx jaqbel ma’ din il-fehma, il-Kumitat kien qed jaġixxi lil hinn mill-ġurisdizzjoni tiegħu.

Dan wassal sabiex għaddew sitt xhur biex il-Kumitat approva li tinxtara din il-mediċina u kellhom jgħaddu saħansitra xahrejn oħra sakemm din il-mediċina kienet disponibbli. Sadanittant il-pazjenta kellha tibqa’ rikoverata l-isptar. Il-Konsulent baqa’ jsegwi s-sitwazzjoni ta’ saħħet il-pazjenta waqt li din kienet qed tingħata l-mediċina l-ġdida sakemm kien sodisfatt li l-pazjenta kienet qed tirrispondi tajjeb għal din il-kura u awtorizzaha biex tiġi rilaxxata, wara li kienet ilha tmien xhur sħaħ l-isptar.