8 xhur ħabs wara li serqet €1,310

Mara li ġiet deskritta bħala “expert pickpocketer” weħlet tmien xhur ħabs, wara li serqet minn tliet persuni differenti bejn 31 ta’ Lulju u 2 ta’ Awwissu mill-Belt.

Il-mara, Ginka Sandeva ta’ 33 sena mill-Bulgarija serqet total ta’ €1,310 fuq tliet okkażjonijiet differenti.  Il-mara tressqet quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, liebsa shorts u t-shirt u dehret tibki matul is-seduta tat-Tnejn filgħodu.

Hi kienet taħdem bħala waitress iżda bħalissa tinsab bla xogħol. Il-mara qalet lill-Qorti li ma għandha l-ebda indirizz fiss f’Malta.  Il-flus kollha ġew irritornati.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wissiet lill-mara li setgħet teħel minn ħames xhur sa tliet snin ħabs. Il-mara ammettiet l-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha.

Il-Qorti kkundannat lill-mara għal tmien xhur ħabs.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna, għall-mara deher l-avukat Shaheryar Ghaznavi.