8 xhur ħabs wara li sawwat lis-sieħba tiegħu

Read in English.

Raġel ta’ 33 sena ntbagħat tmien xhur ħabs wara li l-Qorti sabitu ħati li kkawża ġrieħi ħfief fuq mara li dak iż-żmien kienet is-sieħba tiegħu.

L-inċident seħħ fis-6 ta’ Jannar tal-2019 għall-ħabta tal-11pm fiż-Żurrieq.

Skont ix-xhieda li ngħatat fil-Qorti mill-vittma, l-eks sieħba tar-raġel kienet qed issajjar fil-ħin tal-inċident. Spjegat fil-Qorti li wara li ma setgħetx issib ġiżirana ta’ valur sentimentali, hi weħħlet fih u qalet li kien ħadielha.

Il-vittma qalet fil-Qorti li r-raġel attakkaha u beda’ jagħtiha daqqiet bil-ponn f’wiċċha. Dan dam madwar 45 minuta meta hi mbagħad bdiet tgħajjat għall-għajnuna.

Meta l-pulizija waslu fir-residenza, huma kienu infurmati li kienu qed jagħmlu wisq storbju imma ma daħlux fil-każ ta’ vjolenza domestika. Il-mara marret il-berġa tal-Mosta minn jeddha u hemm kienet ċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief. Hi mbagħad issottomettiet rapport lill-pulizija fl-għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq.

Il-vittma qalet fil-Qorti li din ma kinitx l-ewwel darba u l-akkużat kien heddidha diversi drabi. Hi eżebiet rekordings fejn l-akkużat jinstema jheddidha.

Uffiċjal tal-Pulizija qal li dakinhar tal-inċident, xi ħadd għamel rapport dwar argument f’dar fiż-Żurrieq. Wara li kien tkellem mal-akkużat u staqsa lill-vittma jekk kinitx sew, il-pulizija telaq minn fuq il-post. Jumejn wara, meta tkellem mal-vittma innota black eye. Hi qalet lill-Ispettur tal-Pulizija li meta l-pulizija marru d-dar tagħhom, hi wieġbet li kienet sew għax kienet tibża’ mis-sieħeb tagħha.

Il-vittma wkoll kienet arrestata għal ftit ħin wara li r-raġel qal lill-pulizija li hedditu b’sikkina. L-Ispettur tal-Pulizija nnota li waqt li kienet qed tagħti l-istqarrija tagħha, il-vittma kienet fi stat ta’ paniku, u żiedet tgħid li darba r-raġel kien ħarqilha wiċċha b’sigarett.

Missier il-vittma xehed ukoll jgħid li r-relazzjoni tagħhom kienet għaddejja minn wara dahar il-familja wara li hu kellu problemi bil-fatt li bintu kienet mal-akkużat minħabba l-problemi li kienet qed tesperjenza. Qal fil-Qorti li l-familja tal-vittma u l-vittma bdew jitkellmu mill-ġdid wara li l-akkużat keċċiha mid-dar.

Il-Qorti sabet lir-raġel ħati ta’ ġrieħi ħfief fuq l-eks sieħba u ntbagħat tmien xhur il-ħabs. Il-Qorti ordnat ukoll protezzjoni għall-vittma għall-ħames snin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur tal-Pulizija Roderick Attard. Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud.