8% tal-Korp tal-Pulizija bħalissa mhux qed jidħlu għax-xogħol għax jinsabu bil-leave tal-mard jew bil-leave ta’ kwarantina b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus.
Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-Pulizija, li rrimarka li sal-ġimgħa li għaddiet b’kollox kien hemm 121 uffiċjal bil-leave ta’ kwarantina.
Huwa spjega li l-pjan ta’ kontinġenza tal-Korp fid-dawl tal-imxija tal-coronavirus hu mfassal fuq tliet stadji:
- sitwazzjoni normali
- sitwazzjoni ta’ 20% bil-leave tal-mard jew tal-kwarantina u
- sitwazzjoni ta’ 40% bil-leave tal-mard jew tal-kwarantina.
Kompla jfisser li s’issa qatt ma kien hemm il-ħtieġa li jgħaddu għat-tieni stadju, u għaldaqstant il-Korp qed jaħdem taħt ‘sitwazzjoni normali’.
Il-Pulizija huma fost il-front liners li ta’ kuljum, anke f’dan iż-żmien tal-pandemija jridu joħorġu għax-xogħol, biex jaraw li tinżamm l-ordni fil-pajjiż.
L-ewwel każijiet ta’ coronavirus f’Malta faqqgħu fis-7 ta’ Marzu. Sa mill-aħħar ġimgħa ta’ Frar, il-Korp kien diġà beda joħroġ struzzjonijiet u jattwa miżuri relatati mal-COVID-19. Dawn eventwalment ġew formulati fi pjan ħolistiku li ġie rivedut numru ta’ drabi minħabba l-fluwidità tas-sitwazzjoni.
Il-kelliem spjega li l-Korp tal-Pulizija addatta għar-realtajiet il-ġodda li ġab miegħu l-Covid-19, billi ta’ kuljum iwieġeb għas-sejħa tax-xogħol il-ġdid li ġab miegħu l-virus. Fost l-oħrajn, minn mindu daħal l-Avviż Legali dwar għadd ta’ persuni fi spazji pubbliċi, kull taqsima tal-Pulizija bdiet tonora l-obbligi tagħha. Dawn jinkludu: Il-Pulizija tad-Distretti kollha; it-Taqsima tal-Klieb; tal-Kavallerija; ALE, RIU; Pulizija mill-Branki kollha Speċjalizzati, kif ukoll il-Pulizija tal-Komunità tal-Mellieħa u Pulizija bis-segways. Hemm ukoll pulizija li qed jgħassu 24 siegħa kuljum iċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.