8% tal-immigranti rilokati fl-UE fi 15-il sena

DOI - Kevin Abela

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li fl-aħħar 15-il sena, 8% tal-immigranti biss ġew rilokati f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Dan qalu waqt laqgħa bilaterali li kellu mal-Ministru Ungeriż għall-Affarijiet Barranin Péter Szijjártó, li jinsab Malta fuq żjara uffiċjali.

Il-Ministri ddiskutew is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni irregolari mil-Libja. Il-Ministru Bartolo żied jgħid li bis-saħħa tar-relazzjoni li l-Gvern bena mal-Libja permezz tal-konsensus ġenerali u bl-għajnuna tat-Torok, tal-anqas 3,500 persuna twaqqfu milli jaħarbu lejn l-Ewropa minn Marzu ‘l hawn.

Bartolo spjega li kieku tħallew, dan kien jirriżulta fi kriżi nazzjonali bi ftit sapport mingħand il-kumplament tal-Unjoni Ewropea. Huwa insista li r-rilokazzjoni mhix is-soluzzjoni u li l-UE trid taħdem aktar biex tevita li l-immigranti jaħarbu mill-pajjiżi tagħhom.

DOI: Kevin Abela

F’dan il-kuntest, il-Ministri nnotaw li aktar minn sentejn ilu l-pajjiżi ta’ Visegrad kkommettew €35 miljun f’għajnuna lill-Gwardja tal-Kosta Libjana, u saħqu li m’għandux jintilef aktar żmien biex din l-għajnuna timmaterjalizza u permezz tal-fondi jinxtraw dgħajjes tal-għassa għall-istess gwardja. Dan sabiex fl-istess waqt jipproteġu l-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Ewropa li tinsab esposta għad-dgħajjes tat-traffikanti tal-bnedmin u tal-għaqdiet mhux governattivi li jinterċettawhom.

Il-Ministri ddiskutew ukoll it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, speċjalment fejn jidħol il-kummerċ, it-turiżmu u l-edukazzjoni.