8 snin jaħdmu mas-Sirjani waqt il-kunflitt

Mill-2011, l-Aid to the Church in Need (ACN) iffinanzjat 850 proġett fis-Sirja. Minn dawn il-proġetti bbenefikaw 127,000 persuna li kienu fil-bżonn fosthom 46,000 tifel u tifla, żgħażagħ u studenti.

Fil-15 ta’ Settembru l-ACN flimkiem mal-Knejjes Kattoliċi u Ortodossi  fis-Sirja bdiet it-tieni parti ta’ dan il-proġett. Il-proġett jismu ”Console My People u huwa mmirat għall-familji li xi membru tal-familja tagħhom inħataf jew inqatel matul iż-żmien ta’ kunflitt. Fis-Sirja hemm madwar 2,000 familja Nisranija li tilfu lil xi ħadd mill-familja u madwar 800 familja li għandhom lil xi ħadd maħtuf.

Dan il-proġett beda bil-barka tal-ikona tal-Verġni Marija, Omm tad-Duluri u Konsolatriċi tal-Poplu Sirjan u mill-Papa Franġisku f’Casa Santa Marta fil-Vatikan. Il-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-ACN immexxija mill-President Internazzjonali tal-Fondazzjoni, il-Kardinal Mauro Piacenza.  Stephen Axisa, Direttur Nazzjonali ta’ ACN (Malta), Marie-Claude Lalonde, Direttur Nazzjonali ta’ ACN (Kanada) u Jonathan B. Luciano ta’ ACN (Filippini) kienu preżenti għal din l-okkażjoni.  Fr. Spiridon Kabbash, qassis Ortodoss Sirjan minn Homs, is-Sirja, li pitter l-ikona għal din il-kampanja, ukoll kien parti minn din id-delegazzjoni.

Fl-istess ġurnata tqassmu 6,000 kuruna tar-rużarju li kienu tbierku mill-Papa Franġisku. Dawn il-kuruni tqassmu fl-34 parroċċa tad-djoċesi Sirjani.