8 sensiliet ta’ drama bil-Malti fuq Melita More

Kif diġà tħabbar Melita Limited fetħet l-istazzjon televiżiv tagħha Melita More lill-klijenti kollha tagħha b’xejn sa ma jitħabbar mod ieħor. B’hekk dawk kollha abbonati magħha se jkunu jistgħu jgawdu mid-diversi programmi fuq dan l-istazzjon.

Ħafna huma dawk li qed jistennew biex min-nhar it-Tnejn jibdew isegwu s-sitt u l-aħħar staġun tas-soap opera Maltija Ħbieb u Għedewwa ta’ Rewind Productions. Din se tintwera mit-Tnejn sal-Ġimgħa fit-3.45pm.

Il-ħames staġun spiċċa billi rajna lil Saviour f’tarf l-irdum. Min rah? X’għamel? X’qallu? Tgħid Saviour jibqa’ sejjer bil-pjan tiegħu? Għaliex ħares lura? Naraw lil Mark jixrob biex jinsa’ d-dwejjaq tiegħu… x’ġaralu u min mar id-dar tiegħu? Carmen lil min ċemplet? Manwel mar għand Etienne… għaliex inkwetat ħafna? X’għandha x’taqsam Winnie?

Ir-risposti għall-ħafna mistoqsijiet jitwieġbu f’dawn l-aħħar 100 puntata ta’ din is-sensiela.

Ħbieb u Għedewwa mhix l-unika drama lokali li wieħed jista’ jsegwi fuq Melita. Dan għaliex b’kollox hemm 7 sensiliet oħra li wieħed jista’ jsegwi.

Aenigma

Carlos Farrugia f’Aenigma

Għal min iħobb stejjer tal-waħx jew misterjużi, se tkun qed tixxandar mill-bidunett is-sensiela Aenigma li nħadmet is-sena l-oħra. Kull puntata hi storja għaliha u se naraw uħud mill-aqwa atturi Maltin jieħdu sehem. Tixxandar il-Ħamis fil-11.30pm.

Simpatiċi

Din is-sensiela popolari ta’ Herman Bonaci Productions tixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fl-10.15am. Il-Ħadd filgħodu mid-09.15am ‘l quddiem jixxandru 5 puntati wara xulxin.

Il-Madonna taċ-Ċoqqa

L-addattament l-aktar riċenti ta’ dan id-dramm televiżiv popolari minn Hermann Bonaci Productions qed jixxandar it-Tlieta u l-Ħamis fil-11.15pm, kif ukoll is-Sibt fis-1.15pm.

Strada Stretta

Ben Camille u Taryn Mamo Cefai

It-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa fil-11.am jixxandru l-puntati mit-tieni staġun ta’ din is-sensiela ta’ Sharp Shoot Media.

Rajt ma Rajtx

Għal min iħobb il-misteru mit-Tnejn sal-Ġimgħa fl-4.30pm, Melita More qed ixandar is-sensiela Rajt Ma Rajtx.

Klassi Għalina

Il-puntati mit-tieni staġun ta’ Klassi Għalina jixxandru mit-Tnejn sal-Ġimgħa fil-5.15pm. Is-Sibt filgħodu jixxandru 4 puntati wara xulxin mid-9.15pm.

Division 7

Filwaqt li ħafna qed jistennew it-tmien staġun ta’ Division 7, Melita More qed iwassal il-puntati tar-raba’ staġun. Dawn jixxandru mit-Tnejn sal-Ġimgħa fit-7.45pm.