Filmat: 8 rebbieħa fil-11-il edizzjoni tal-Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti 2020

Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti 2020

Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti 2020

Posted by Silvio Schembri on Thursday, December 10, 2020

“Is-sena d-dieħla l-villaġġ tal-artiġjanat f’Ta’ Qali rridu li jkun punt ta’ referenza minn fejn jitkattar il-ħsieb kreattiv, minn fejn sengħa tgħaddi għal ġenerazzjoni oħra, minn fejn wieħed imur u jixtri dak ir-rigal speċjali, u fuq kollox minn fejn ikompli jissawwar dak li hu Malti.”

Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt il-11-il edizzjoni tal-Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti 2020, fejn esprima l-impenn tal-gvern għal dan il-proġett li tant kien mistenni u li issa jinsab fi stadju avvanzat.

“Huma okkażjonijiet bħal dawn li jitfgħu dawl fuq it-talent Malti. Irrid niltaqa’ magħkom, irrid nisma’ l-ħsibijiet tagħkom, irrid nara t-talent tagħkom. Din hija opportunità biex nitkellmu, naqsmu l-ħsibijiet tagħna u dejjem insaħħu fejn ikun hemm bżonn. Intom ix-xempju u tifsira tat-terminu ‘made in Malta’ – li wieħed imidd idejh biex viżjoni li jkollu f’moħħu tkun attwata u ssir tanġibbli”, qal il-Ministru Schembri.

Il-ministru nnota wkoll li s-settur tal-artiġjanat ħoloq spazju interessanti li hemm bżonn li jkun esplorat iżjed.

“Huma bosta dawk li fix-xhur tal-pandemija approfittaw mill-ħin li kellhom f’idejhom u ħadmu fuq proġett jew prodott li kien ilu jberren f’moħħhom. Ġenerazzjoni żagħżugħa qed tkun iżjed proattiva tant li huma bosta li ħolqu prodotti impressjonanti, fejn żewġu dak li hu tradizzjonalment Malti mal-modern. Illum saret xi ħaġa ngħid jien ta’ prestiġju li wieħed jirċievi xi ħaġa magħmula mill-Maltin,  u dan possibbli għax hemm iżjed viżibilità diġitali. Ninkoraġġikom għalhekk li l-ewwel nett tiżviluppaw il-prodott kummerċjali tagħkom , li tkunu kreattivi, u li tinvestu fi pjattaformi diġitali li dwar dan se tkunu qed issibu lilna bħala gvern ta’ spalla biex niggwidawkom”, qal Silvio Schembri.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Nancy Caruana nnutat li l-edizzjoni  tal-Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti 2020  kienet suċċess. L-entużjażmu tal-applikanti meta jippreżentaw il-prodott jew l-inizjattiva tagħhom kien strumentali għal dan.  Il-gvern min-naħa tiegħu jirrikonoxxi dan l-entużjażmu. Anzi, jinkoraġġixxi li titkompla din l-inizjattiva billi jipprovdi fondi sostanzjali sabiex l-entitajiet ikunu f’pożizzjoni li jimplimentawha. Għaldaqstant, qed titqassam is-somma sabiħa ta’ tmienja u erbgħin elf ewro (€48,000). F’dan ir-rigward, barra  rikonoxximent għall-ħidma fis-settur tal-artiġjanat, qegħdin jiġu premjati inizjattivi li jippromovu l-artiġjanat minn kunsilli lokali, negozji, individwi jew organiżżazzjonijiet,  u seba’ kategoriji ta’ prodotti artiġjanali (Tessuti, Ikel, Xogħol ta’ Ħġieġ u Ċeramika, Metall Prezzjuż u Ġojjellerija, Immudellar, Pittura u Skultura, Prodott minn Materjali mhux Prezzjużi u  l-Aktar Prodott Innovattiv minn Grupp ta’ Artiġjani)

Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kummerċ, Godwin Warr, qal li bħala pajjż għandna nkunu grati li  l-artiġjani lokali, bit-talenti, xogħol u sagrifiċċji tagħhom  kienu, u għadhom,  permezz ta’ kreattività u passjoni  joħolqu wirt kulturali ħaj li jfakkarna fil-passat u jinkoraġġina nħarsu b’kuraġġ lejn il-ġejjieni ta’ dan is-settur,  li aħna mpenjati li nippreservaw u li ngħinuh jiffjorixxi. Il-kompetizzjoni Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti 2020, din is-sena organizzat mid-Dipartiment tal-Kummerċ flimkien mal-Fondazzjoni tal-Artiġjanat  Malti  huwa eżempju ta’ dan l-impenn.  Kompetizzjoni  li permess tagħha  din is-sena qegħdin nippremjaw  14-il artiġjan, barra li nirrikonoxxu  ħidma favur is-settur, kemm dik riċenti u kemm fuq medda ta’ snin.

Din l-attività kienet indirizzata wkoll minn Sonny Gatt li ilu 40 sena fl-artiġjanat. “Ilni 40 sena f’dan is-settur u huma okkażjonijiet bħal dawn li jirrikonoxxu xogħolna. Issa s-sengħa tiegħi qed ngħaddiha lit-tifla li qed tiżviluppaha u qed tadattaha għaż-żminijiet tal-lum. Din xi ħaġa Maltija li qed tintiret u huma attivitajiet bħal dawn li jkomplu jsostnuha”, qal is-Sur Gatt.

Għal din is-sena ipparteċipaw mal-51 applikant.

Ir-rebbieħa huma:

Kategorija 4 Rikonoxximent għal Ħidma fl-Artiġjanat –  Victor Azzopardi

Kategorija 2 li laqgħet applikazzjonijet dwar Inizjattivi Artiġjanali

Ir-rebbieħa fis-sottokategorija miftuħa għan-Negozji li jbigħu l-artiġjanat Malti hija Veronica Scriha b’inizjattiva L-Aritiġjan.

Ir-rebbieħa għas-sottokategorija miftuħa għall-Individwi u l-Gruppi li jieħdu inizjattivi oħra favur l-artiġjanat Malti huwa Carmel Azzopardi bl-inizjattiva Ilwien Nostalġiċi.

Kategorija 1 ta’ ‘Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti 2020’ li laqgħet applikazzjonijet ta’ Prodotti Artiġjanali.

Din il-kategorija tinqasam f’seba’ sottokategoriji:

Sottokategorija A – L-Aktar Prodott Innovattiv: Tessuti

Ir-rebbieħa ta’ din is- sottokategorija hija Marika Camilleri bil-prodott Il-Maskra tal-Bizzilla tal-COVID

Sottokategorija Ċ- L-Aktar Prodott Innovattiv: Xogħol tal-Ħġieg u Ċeramika

Ir-rebbieħ ta’ din is- sottokategorija hija Jennifer Mallia bil-prodott Maltese Contemporary Lyre Clock.

Sottokategorija D- L-Aktar Prodott Innovattiv: Metall Prezzjuż u Ġojjellerija

Ir-rebbieħ ta’ din is- sottokategorija huwa: Kevin Attard bil-prodott Mimi e il toro.

Sottokategorija E- L-Aktar Prodott Innovattiv: Immudellar, Pittura u Skultura

Ir-rebbieħa ta’ din is- sottokategorija huwa Jason Farrugia bil-prodott Marija Bambina Għaqda Mużikali Marija Bambina Banda Vittorja Naxxar.

Sottokategorija Ġ- L-Aktar Prodott Innovattiv minn Grupp ta’ Artiġjani

Ir-rebbieħa ta’ din is- sottokategorija huma Soċjeta Filarmonika Santa Marija, Zebbuġ bil-prodott Koppla Artistika … 360o Artiġjanat.

Ritratt: MEA

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.