8 persuni mmultati €100

Read in English.

Tmien persuni laqqtu multa ta’ €100 kull wieħed wara li ma obdewx ir-regola li ma jistgħux jinġemgħu aktar minn tliet persuni f’daqqa fil-pubbliku.

F’aġġornament dwar il-coronavirus, il-Gvern qal li għall-ħames jum konsekuttiv ma nstab ħadd li kien qed jikser il-liġi tal-kwarantina obbligatorja. Fl-aħħar 24 siegħa saru 496 spezzjoni.

L-ebda stabbiliment tal-ikel jew tax-xorb ma nstab miftuħ jikser ir-regoli imposti, skont il-Gvern. Dan wara li saru aktar minn 1,300 spezzjoni minn uffiċjali tal-MTA fl-aħħar 24 siegħa.

Il-Gvern fakkar kif fl-aħħar 24 siegħa ġew reġistrati 52 każi ġodda – 48 f’Malta u 4 f’Għawdex. It-total ta’ każi f’Malta tela’ għal 293. Illum ma kienx hemm każi ta’ coronavirus f’Ħal Far.

“Dan ma jfissirx li mhux se jkun hemm aktar każijiet pożittivi minn dan iċ-ċentru. Fil-fatt l-analiżi tar-riskju li sar wera li jista’ jkollna aktar residenti pożittivi u kien proprju għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li ċ-ċentru jingħalaq taħt kwarantina,” skont il-Gvern.

Illum sar ukoll numru rekord ta’ testijiet – 825.

Bdew isiru aktar testijiet intensivi fuq ħaddiema li jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-Covid-19 biex kemm huma u anke l-qraba tagħhom jiġu protetti aktar.

“Tnedew żewġ helplines biex dawk li jkunu għadhom ma ġewx infurmati biex jagħmlu t-test jistgħu jċemplu minn jeddhom għas-swab. Healthcare workers li jaħdmu f’Mater Dei, fl-Isptar Boffa u Sir Anthony Mamo jistgħu jċemplu fuq 2545 1111. Ħaddiema fil-Primary Health Care, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u Mount Carmel għandhom iċemplu 2364 5002. Intant, tnieda wkoll il-helpline 1770 għal min għandu bżonn għajnuna mentali u minn nhar il-Ħamis se jkun qed jopera 24 siegħa kuljum,” qal il-Gvern.