8 persuni akkużati li kienu qed imexxu burdell

Żewġt irġiel u sitt nisa tressqu l-Qorti akkużati li kienu qed jieħdu sehem f’burdell. Fil-qorti ħareġ li t-Tlieta li għadda l-pulizija mill-iskwadra kontra l-vizzji wettqet rejd fejn sabet lin-nisa għarwenin mal-klijenti tagħhom.

L-akkużati huma żewġt irġiel ta’ nazzjonalità Maltija u sitt nisa Kolumbjani. L-irġiel qed jiġu akkużati li kienu qed jgħixu mill-prostituzzjoni u wżaw il-propjetà tagħhom biex din fiha jsir il-prostituzzjoni.

Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom bl-avukat tagħhom titlob għall-ħelsien mill-arrest. Min-naħa tagħha l-prosekuzjoni oġġezzjonat din it-talba fuq l-argument li kien għad jonqos min jixhed fosthom in-nisa u l-klijenti li kienu fuq il-post. Il-Maġistrat ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest taż-żewġt irġiel.

In-nisa li l-età tagħhom tvarja bejn it-18 u s-26 sena wieġbu ħatja li kienu qed jgħixu minn fuq il-prostituzzjoni, li mexxew burdell kif ukoll li użaw il-post għall-prostituzzjoni. L-avukat difensur li kien qed jidher għas-sitt nisa qal li l-akkużati kkoperaw mal-pulizija u ma jarax li l-ħabs ikun addattat għalihom.

Fid-dawl ta’ dan il-Qorti sabet lis-sitt nisa ħatja u kkundannathom għall sena ħabs sospiża b’erba’ snin. Wara li ġew infurmati bis-sentenza n-nisa dehru viżilbilment emozzjonati.