8 membri tal-ġudikatura jirtiraw sa 3 snin oħra

Il-Bank tal-ġudikatura se jitlef tmien membri fit-tliet snin li ġejjin minħabba l-età tal-irtirar. Dawn jinkludu lill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi.
Dan qalu fil-Parlament il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Waqt li l-Imħallef Antonio Mizzi rtira fil-ġimgħat li għaddew, fit-tliet snin li ġejjin se jirtiraw l-Imħallfin Silvio Meli, Noel Cuschieri, Tonio Mallia, Joseph Zammit McKeon U Joseph R. Micallef, il-Maġistrat Paul Coppini u l-Prim Imħallef Joseph Azzopardi.
F’mistoqsija supplementari tal-istess Azzopardi, il-Ministru Bonniċi qal li hi l-intenzjoni tal-Gvern li qabel jirtira Imħallef, is-suċċessur tiegħu jkun diġà nħatar biex jingħata handover tajba.
Il-Ministru tal-Ġustizzja ngħaqad mas-suġġeriment tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, biex il-Ġudikant fil-Qorti ta’ Għawdex jiġi elevat għal Imħallef madanakollu stqarr li din id-deċiżjoni taqa’ f’idejn il-Prim Imħallef.