8 kunsilli lokali ma japplikawx għal fondi għall-attivitajiet kulturali

Tmien kunsilli lokali f’Malta u Għawdex ma applikawx għal fondi tal-Gvern biex jorganizzaw attivitajiet kulturali.

Il-Ministru tat-Turiżmu Karmenu Vella, responsabbli mill-kunsilli lokali, fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea qal li l-kunsilli lokali tal-Gżira, ta’ Pembroke, ta’ San Lawrenz, ta’ San Pawl il-Baħar, ta’ Tas-Sliema, tas-Swieqi, ta’ Tax-Xbiex u taż-Żebbuġ ma applikawx għall-iskema la fl-ewwel parti u lanqas fit-tieni parti tagħha.
Karmenu Vella spjega wkoll li kien hemm żewġ kunsilli lokali oħra li ma ngħatawx għajnuna għaliex kienu ssottomew diversi applikazzjonijiet u setgħu jgawdu minn fondi biss għal żewġ attivitajiet. Dawn huma l-kunsilli tar-Rabat, Għawdex u ta’ Ħal Qormi.

Il-Kunsilli Lokali tal-Fgura, tal-Imqabba, tal-Kalkara u tax-Xgħajra gawdew minn attività waħda biss miż-żewġ applikazzjonijiet li ssottomettew, peress li l-applikazzjoni l-oħra ma kinitx skont il-linji gwida.

Il-Kunsilli Lokali ta’ Ħ’Attard, tal-Fontana, ta’ San Ġwann u ta’ Ta’ Sannat, kif ukoll il-Kumitati Amministrattivi tal-Kappara u ta’ Marsalforn u l-Kumitat Reġjonali Tramunata ma ħadu ebda fondi peress li l-applikazzjonijiet tagħhom ma kinux skont il-linji gwida.